**
Direzzjoni: Cathy Yan
Atturi: Margot Robbie, Mary Elizabeth Winstead, Jurnee Smollett-Bell, RosIe Perez, Chris Messina, Ella Jay Baco u Adi Wong
Ħin tal-Film: 109 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Il-Joker u Harley Quinn, fil-qalba ta’ relazzjoni abbużiva li kellhom bejniethom, fl-aħħar jinfirdu, b’riżultat li Harley ssib ruħha barra mid-dar. Hi ssib kenn għand Doc, raġel imdaħħal fiż-żmien, proprjetarju ta’ ristorant fil-belt ta’ Gotham. Harley meta tiġi f’tagħha emozzjonalment, tqatta’ xi ljieli ġewwa club, proprjetà ta’ Roman Sionis, gangster sadistiku b’tendenzi krudili u li kien jippretendiha ta’ wieħed li ħadd ma jista’ għalih.
Hawn Harley tiltaqa’ ma’ Dinah Lance, kantanta, li kienet taħdem għal Roman. Harley xorbot iż-żejjed b’riżultat li fl-istorbju li qajmet spiċċat tweġġa’ lix-xufier ta’ Roman. Id-delinkwenti li kienu jaħdmu fin-nightclub tefgħuha ‘l barra. Kellha tkun Dinah li ssalva lil Harley minn xebgħa. Roman baqa’ mistgħaġeb bl-abbiltà ta’ Dinah tant li laħħaqha bħala x-xufier tiegħu. Dinah tieħu lil Harley f’darha u jkun hawn li Harley tiddeċiedi li tbiddel ħajjitha b’ħafna modi, inkluż li taqta’ xagħra u taddotta hyena minn petshop.
Harley biex tivvendika ruħha mill-Joker, teqred għal kollox l-impjant Ace Chemicals, propretà tal-Joker u fejn kienet offriet ruħha bħala rahan lilu qabel ma saret Harley Quinn. Sadanittant, Renee Montoya, detektiv fil-GCPD tasal fuq il-post meqrud. Minħabba li kienet taf li Joker u Harley kienu inqatgħu minn xulxin, kienet faċli għaliha li taqbad u tarresta lil Harley.
Fl-istess ħin, Cassandra Cain, orfni żagħżugħa li kienet taħdem għal Sionis bħala ħalliel, serqet mingħand Zsasz, djamant, proprjetà ta’ Roman. Roman, meta nduna bis-serqa, bagħat lil Dinah u lil Victor Zsasz, il-henchman prinċipali tiegħu u qattiel psikiku biex jerġa’ jieħu pussess tad-djamant li kien nsteraqlu. Cassandra min-naħa tagħha qarrqet b’Sionis bit-tama li tbiegħ id-djamant biex hekk tagħmel aktar flus. Cassandra iżda tiġi arrestata u fid-disperazzjoni tibla id-djamant. L-għada, Harley tigi interċettata minn Montoya iżda taħarbilha, għalkemm ftit wara tinqabad min-nies ta’ Roman. Harley jirnexielha toqtolhom. Fix-xena iżda jidħlu aktar nies ta’ qattagħni li jaqbduha u jehduha ghand Roman. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan fuq supereroj, msejjes fuq DC Comics: Birds of Prey. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Cathy Yan u kitba ta’ Christina Hodson. Minħabba valuri mhux tant pożittivi, vjolenza kontinwa u ħafna drabi mdemmija, kliem goff u profan kif ukoll użu ta’ droga, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.