-
-
***
Direttur: George Nolfi
Atturi: Philip Ng, Xia Yu, Billy Magnussen, Jin Xing, Simion Yin, Jingjing Qu u Ron Yuan
Ħin tal-Film: 89 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Fl-1964, Bruce Lee qiegħed iħaddem Akkademja Kung Fu ġewwa San Francisco. Hu kien jispeċjalizza fl-arti marzjali Wing Chun. Lee kien dejjem lest li l-istudenti tiegħu jtihom pariri ta’ kif għandhom jagħmlu biex jaslu biex xi darba jkunu tajba biex jieħdu xi role bħala extras fil-proġetti li kellu. FIt-taħriġ kien ukoll jgħallimhom kif jiddefendu ruħhom meta jkun hemm bżonn.
Steve McKee, student, f’rabja ried jibboksja lil Lee. Lee kontra qalbu aċċetta u offrilu oppożizzjoni, b’McKee jisfa’ umiljat. McKee u Vinnie Wei kienu jaħdmu ġewwa laundry. Huma jsiru jafu li l-għalliem Wong Jack Man, kien jinsab fuq pellegrinaġġ miċ-Ċina. Sadanittant, McKee jinġibed lejn Xiulan, tfajla ħelwa Ċiniza li kienet taħdem f’restorant. Xiulan kienet ġiet ordnata mis-sidien biex ma titkellem ma’ ħadd minn barra. McKee, lejla waħda bil-moħbi jgħaddilha ktieb tal-grammatika ingliża biex tkun tista’ tgħallem lil sħabha. Waqt li McKee jipprova jsir jaf iktar mill-qrib lil Man, min-naħa l-oħra, Lee jibda jinkwieta bil-preżenza ta’ Man u ħaseb li kien ġie biex jikkastigah talli kien qiegħed jgħallem il-Kung Fu fl-Amerika.
McKee, fuq talba ta’ Lee, jagħmel laqgħa ma’ Man waqt wirja li Lee kien qiegħed jagħti f’Long Beach International Karate Championships. Man ifaħħar l-abiltà u t-teknika li Lee wera waqt il-wirja ta’ karate kontra l-kung fu iżda osserva li Lee kellu l-limitazzjonijiet tiegħu. Lee verbalment jirritalja billi jisfida lil Man għal ġlieda iżda Man jitlaq fil-kwiet ’l barra bla risposta. McKee jsir jaf li Man kien ġie l-Amerika biex jagħmel penitenza għal dak li kien għamel sena qabel, meta b’daqqa ta’ sieq, waqt wirja, kien kważi qatel lil Mon Shan, għalliem ta’ Tai Chi ġewwa Heman. Sadanittant McKee u Xiulian isiru jafu li t-tfajliet kollha li kienu jaħdmu fir-restorant kienu tal-proprjetarja gangster Auntie Blossom, sid iċ-China Gate Restaurant. Ir-relazzjoni bejn McKee u Man ġibdet l-attenzjoni ta’ Auntie Blossom. Tagħmillu proposta biex jorganizza glieda bejn Lee u Man. Jekk jirnexxielu jagħmel dan, Auntie Blossom kienet lesta li teħles l-maħbuba tiegħu Xiulan. X’jiġri minn hawn?
George Nolfi jiddirieġi l-film, b’kitba ta’ Christopher Wilkinson u Stephen J. Rivele. Minħabba vjolenza li tagħmel il-ħsara, kif ukoll xi lingwaġġ goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.