-
-
****
Direttur: Richard Linklater
Atturi: Ellar Coltrane, Lorelei Linklater, Patricia Arquette, Ethan Hawke
Ħin: 165 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Il-film jibda b’Mason Jr., tifel ta’ 6 snin li flimkien ma’ oħtu ikbar minnu, Samantha, jgħixu ma’ ommhom Olivia f’Texas. Ommhom hija ddivorzjata u qedha tipprova tlaħħaq mal-ħajja bil-paga żgħira li għandha. Missierhom, Mason Sr. mar l-Alaska biex ifittex ix-xogħol. Matul it-tnax il-sena ta’ wara ommhom tiżżewweġ u terġa’ tiddivorzja darbtejn, filwaqt li missierhom iqatta’ ftit ħin ma uliedu fil-weekends, weekend iva u weekend le, u matul is-sajf u jagħtihom pariri utli ħafna. It-tfal imorru tajjeb ħafna miegħu kif ukoll m’ommhom. Mason u Samantha jikbru, isiru adolixxenti, ikollhom esperjenza ta’ vjolenza fil-familja u sokor, jiskopru s-sess oppost, jixorbu l-alkoħol u jieħdu d-droga. Mason jgħaddi mill-esperjenza li jara r-relazzjoni li jkollu mat-tfajla li jħobb tisfaxxa kif ukoll l-esperjenza tal-liberta’ meta jitlaq lejn l-universita’ u jibda jgħix għal rashu.
Film drammatiku, li għalkemm huwa xogħol ta’ fiction fih ukoll element ta’ dokumentarju, għax isegwi l-isvilup ta’ tifel, u oħtu, fi żmien rejali minn meta jkollu 6 snin sakemm ikollu 18 il-sena. Huwa film uniku li dam jinġibed, ftit ftit, matul il-perijodu ta’ tnax il-sena u b’hekk juri t-tfal jikbru u jgħaddu minn fażi għall-oħra ta’ ħajjithom b’mod naturali. Il-film fih valuri pożittivi iżda fih ukoll xeni ta’ vjolenza, juri tolleranza lejn it-teħid tad-droga u x-xorb alkoħoliku miż-żgħażagħ taħt l-eta’, kif ukoll lejn is-sess bejn iż-żgħażagħ, u fih ukoll kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.