-
-
***
Direttur: David Yarovesky
Atturi: Elizabeth Banks, David Denman, Jackson A. Dunn, Matt Jones, Meredith Hagner, Gregory Alan Williams, Steve Agee u Becky Wahistrom
Ħin tal-Film: 90 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Tori u Kyle, koppja żgħażugħa li tgħix f’razzett qrib Brightburn, f’Kansas, qegħdin isibuha diffiċli biex ikollhom it-tfal. Lejla waħda, vettura spazjali taqa’ qrib darhom. Fiha, Tori ssib tarbija. Il-koppja tiddeċiedi, mingħajr ma jgħidu lil ħadd, li trabbi lit-tifel u jadottawh bħala binhom u jsemmuh Brandon. Il-vettura spazjali jaħbuha f’kantina ġewwa matmura tal-qamħ.
Kollox jimxi ħarir fit-trobbija ta’ Brandon sakemm jasal għall-pubertà. Il-vettura tibda tittrasmetti messaġġi strambi bil-lingwa aljiena, indirizzati lil Brandon. Dawn il-messaġġi ikollhom effett kbir fuq il-personalità taż-żagħżugħ l-aktar meta jiskopri li kellu saħħa sopranaturali u jibda jħoss li hu kien igawdi l-invulnerabilità.
F’lejla waħda, wara li kien ġa raqad, Brandon, mingħajr ma jaf, mexa lejn il-matmura. Hemm jipprova jiftaħ il-bokkaport fejn kienet miżmuma l-vettura spazjali waqt li beda jkanta l-messaġġ li kien sema’. Tori tintervjeni u tqajjem lil Brandon. Iktar ma jibda jikber, Brandon jibda jsir iktar diżubbidjenti u jonqos mir-rispett lejn il-ġenituri tiegħu. Waqt ċelebrazzjoni f’għeluq sninu, ġewwa ristorant, iz-zijiet Noah u Merilee jagħtuh xkubetta għall-kaċċa bħala rigal. Missier Brandon joġġezzjona minħabba li Brandon kien taħt l-età. Kyle għalhekk ma riedx jaċċettah b’riżultat li Brandon jipprotesta b’mod aggressiv tant li imġiebtu għaġbet lil dawk li kienu preżenti fir-ristorant.
Inċident ieħor li għaġġeb lil Kyle kien meta Brandon għawweġ furketta bi snienu. Tori wkoll waqt li kienet qegħda tnaddaf il-kamra ta’ Brandon, ssib xi ritratti ta’ ilbies ta’ taħt tan-nisa, kif ukoll ritratti grafiċi ta’ organi umani. Il-familja tiddeċiedi li jmorru għal vaganza. Kyle jieħu din l-opportunità biex jispjega x’jiġri meta żagħżugħ jibda jesperjenza impulsi qawwija sesswali. Dakinhar stess, matul il-lejl, Brandon b’mod misterjuż, jagħmel żjara fid-dar ta’ Caitlyn, tfajla fl-istess klassi tiegħu u li kien jammira. Fl-iskola, f’eżerċizzju ta’ fiduċja, Caitlyn tħalli lil Brandon jaqa’ fl-art għax ma xtaqitx li tmissu. Meta l-għalliem jordna lil Caitlyn biex tgħinu jqum mill-art, Brandon jgħaffeġ idejha b’mod goff. X’jibda jiġri minn hawn? Brandon jibda juri li ma kienx normali u l-vuċi li kien jisma’ mill-vettura spazjali tkompli tħawwad il-qagħda traġikament.
Film Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ David Yarovesky u kitba ta’ Brian u Mark Gunn. Minħabba numru ta’ xeni vjolenti u mdemma u tal-biża’, kliem goff u b’tema għal kollox negattiva, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.