• ***

    Direttur: Jerry Jameson
    Atturi: David Oyelowo, Kate Mara, Leonor Varela, Jessica Oyelowo, Mimi Rogers, Michael K. Williams, Bill Bennett u Fred Galle
    Ħin tal-Film: 97 min

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:  15

    Fil-11 ta’ Marzu 2005, Brian Nichols jaħrab minn taħt il-kustodja tal-pulizija hekk kif kien qiegħed jitwassal biex jidħer quddiem Imħallef fil-Qorti ta’ Fulton County ġewwa Atlanta. Il-każ li kien qiegħed jiġi akkużat bih Nichols, kien każ ta’ stupru. Fil-proċess tal-ħarba, Nichols wara li jaħtaf il-pistola tal-gwardjana li kienet qegħda għassa miegħu, joqtol il-Imħallef, Royland Barnes kif ukoll ir-reġistratur tal-qorti, Julie Brandau. Barra l-qorti, Nichols joqtol ukoll is-Surġent Hoyt Teasley kif ukoll l-Agent Speċjali, David G. Wilhelm ġewwa  daru stess. Nichols jiġi mfittex minn għadd kbir ta’ pulizija armati sa snienhom.
    Min-naħa tiegħu, Nichols isib kenn fl-apartament ta’ Ashley Smith, li kontra qalbha żammha bħala ostaġġ. Ashley kienet omm ta’ tifla, mhux miżżewwġa u minħabba l-problema ta’ droga, l-awtorita’ kienet ħadet taħt il-protezzjoni tagħha lit-tifla tagħha sakemm Ashley jirnexxielha tagħmel program biex toħrog  mill-vizzju ta’ droga methamphetamine. Ashley kienet  għamlet il-programm u kien jidħer li kienet waslet fl-aħħar biex tiġi ddikjarata ħielsa minn dan il-vizzju. B’xorti tajba Ashley kellha f’idejha l-ktieb magħruf: The Purpose Driven Life ta’ Rick Warren li għalkemm għall-ewwel ma kienitx  lesta  taċċetah, iżda kien il-ktieb li waqt li kienet qegħda tinżamm ostaġġ, sabet ispirazzjoni biex tegħleb il-problema li sabet ruħha fiha u mhux biss iżda li kellu effett fuq Nichols ukoll meta Ashley bdiet taqralu l-ktieb.  Kif sejjer jintemm dan l-episodju fil-ħajjet ta’ Ashley u ta’ Nichols? X’jiġri meta t-tnejn isibu ruħhom f’salib it-toroq?
    Film drammatiku Amerikan, thriller, taħt id-direzzjoni ta’ Jerry Jameson u msejjes fuq storja vera. Dan ġara fil-11 ta’ Marzu, 2005 ġewwa  Fulton,  Atlanta meta Brian Nichols, akkużat fuq  reat serju ta’ stupru, jirnexxielu jaħrab u fil-proċess joqtol erba’ minn  nies fosthom l-imħallef stess. Nichols  isib kenn fl-appartament ta’ Ashley Smith,  u żżommha bħala ostaġġ. Minħabba qtil vjolenti, użu ta’ droga kif ukoll kliem goff,  ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.