• ****

    Direttur: Todd Haynes
    Atturi: Cate Blanchett, Rooney Mara, Sarah Paulson, Kyle Chandler
    Ħin: 118 minuti
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited
     
    Klassifika tal-Gvern: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18
    Therese Belivet hija tfajla li qedha tagħmel xogħol temporarju tbiegħ il-pupi f’department store tal-ġugarelli fi New York fis-snin 50, xogħol li ma tantx hu għal qalbha għax l-ambizzjoni tagħha hija li ssir fotografu. Għal ħabta tal-Milied tidħol fil-ħanut sinjura, Carol Aird, biex tixtri rigal għal bintha żgħira. Carol hi miżżewġa lil Harge, iżda qedha tiddivorzja minnhu, l-aktar għax fil-qieħ ta’ qalbha hi lesbjana. Malli tidħol fil-ħanut tal-pupi u tara lil Therese mall-ewwel jinġibdu lejn xulxin. Ftit wara Carol tistieden lil Therese għal kafe’ f’kafetterija u jibdew relazzjoni ta’ mħabba. Jiltaqgħu kemm il-darba. Sadanittant, Harge, għalkemm jaf xi tkun qed tagħmel Carol, ma jkunx irid li titilqu għax xorta waħda jkun għadu jħobbha, u jistiedinha biex iqattgħu l-Milied flimkien, imma hija tistieden lil Therese biex jagħmlu vjaġġ bil-karozza  li matulu r-relazzjoni tagħhom tkompli tissaħħaħ.
     
    Film drammatiku, ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Patricia Highsmith: The Price of Salt, li ħareġ fl-1952 meta l-omosesswalita’ kienet għadha tabu’ u r-relazzjonijiet omosesswali ma’ kienux aċċettati mis-soċjeta’. Film maħdum tajjeb, b’reċtar mill-aqwa minn Cate Blanchett u Roony Mara. Fih kontenut sesswali u nudita’. Jgħodd għal udjenza adulta.