Matul ix‑xahar ta’ Novembru, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ser ikompli jiċċelebra Quddies matul il‑ġimgħa kif ukoll nhar ta’ Ħadd. Dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi qed jixxandru fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Il‑Quddies organizzat mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed jixxandar:

  • Mit‑Tnejn sas‑Sibt fid‑9:30 a.m. mill‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Wara l‑Quddiesa tingħad it‑talba tar‑Rużarju. Dan il‑ħin ta’ talb jiġi mtenni fuq TVM2 fil‑5:30 p.m. mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa.
  • Kull nhar ta’ Ħadd fid‑9:30 a.m. tiġi ċċelebrata Quddiesa fuq TVM2, Facebook u YouTube. Din tiġi mtennija fuq TVM2 fis‑6:30 p.m.

F’dawn il‑ġranet Monsinjur Arċisqof se jiċċelebra l‑Quddies f’dawn il‑knejjes:

Il‑Ħadd 1 ta’ Novembru, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil‑festa tal‑Qaddisin Kollha u jilqa’ uffiċjalment tliet seminaristi bħala kandidati għas‑saċerdozju, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM2.

It‑Tnejn 2 ta’ Novembru, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Solenni fit‑Tifkira tal‑Mejtin Kollha, fil‑Knisja taċ‑Ċimiterju ta’ Marija Addolorata, Raħal Ġdid. Din tixxandar fuq TVM2.

Is‑Sibt 7 ta’ Novembru, fis‑7:00 p.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l‑investitura tal‑Ordni Ekwestri tas‑Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm u wara jiċċelebra Quddiesa, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

Il‑Ħadd 8 ta’ Novembru, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Pontifikali fl‑okkażjoni ta Jum it‑Tifkira, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM2.

It‑Tlieta 17 ta’ Novembru, fis‑6:00 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa b’suffraġju għal ruħ isqfijiet, saċerdoti u reliġjużi li ħallew din id‑dinja, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina.

Il‑Ħadd 22 ta’ Novembru, Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal‑Ħolqien Kollu, fil‑5:00 p.m., Monsinjur Arċisqof imexxi t‑Tieni Għasar fil‑Bażilika ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid.

It-Tlieta 24 ta’ Novembru, fid-9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa f’għeluq it-tmien anniversarju mill-ordinazzjoni episkopali tiegħu, fil-Knisja tal-Lunzjata, l-Imdina.