• Clavary

  • ****

    Direttur:        John Michael McDonagh
    Atturi:            Brendan Gleeson, Chris O’Dowd, Kelly Reilly, Aidan Gillen
    Ħin:                100 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 18
    Klassifika tal-Knisja: 18
     
    Fr James, qassis Irlandiż imdaħħal fiż-żmien li sar qassis wara li mietet marthu, jieħu xokk meta xi ħadd fil-konfessjunarju jgħidlu li meta kellu seba’ snin beda jiġi abbużat sesswalment minn qassis għal ħames snin sħaħ; jgħidlu li hu, Fr James, hu innoċenti imma se joqtlu fi żmien sebgħat ijiem oħra. Fr James ikompli l-ħidma tiegħu fil-parroċċa żgħira tiegħu, anzjuż għax jaf li l-ħin għaddej u ġimgħa malajr tgħaddi. L-għada tiġi għandu binthu wara li reġgħet ippruvat tagħmel suwiċidju. Sadanittant Fr James jipprova jara min mill-parroċċani tiegħu qed jippjana biex joqtlu. Hemm Jack, bejjiegħ tal-laħam li jkun issusspettat li sawwat lil marthu sakemm hu jgħid li probabilment il-ġrieħi li kellha għamilhomlha l-ħabib Afrikan li kellha. Hemm ukoll fost oħrajn, spettur tal-pulizzija li Fr James jinzortah waqt li jkun ma’ prostitut raġel; tabib li jgħid bil-miftuħ li hu bil-qawwa kollha ateist;  miljunarju li l-flus ma rnexxilhomx jagħmluh kuntent; sajjied anzjan eċċentriku; mara Franċiża fil-luttu; u Amerikan imdaħħal fiż-żmien li hu determinat li jtemm ħajtu kif jidhirlu hu. Dawn kollha Fr James jiltaqa’ magħhom, ikellimhom u jagħtihom il-parir tiegħu waqt li fl-istess ħin jagħrbilhom biex jara jsibx xi ħjiel li juriħ min minnhom se  joqtlu.
     
    Film thriller mid-direttur/awtur John Michael McDonagh li fl-2011 tana “The Guard” li kien suċċess kbir. F’dan il-film, “Calvary”, it-tieni wieħed minn tlieta ppjanati li jgħamel, juri l-istess ħila u jagħmel użu minn atturi li jaqalgħu ħafna l-parti tagħhom, u bi djalogu brillanti li fl-istess ħin jittratta temi jaħarqu. Il-film fih xeni ta’ vjolenza, kliem ħażin, u temi skabrużi. Jgħodd għal udjenza adulta.