*****
Direttur: Peter Landesman
Atturi: Will Smith, Gugu Mbatha-Raw, Alec Baldwin, Albert Brooks
Ħin: 123 minuti
Maħruġ minn KRS Releasing Limited
Klassifika tal-Gvern: 12A
Klassifika tal-Knisja: 15
Waqt li Dr Bennet Omalu, tabib tal-patoloġija fi sptar f’Pittsburgh u li kien espert fil-forensika neuroloġika, waqt li jkun qed jagħmel awtopsija fuq Mike Webster, player tal-football Amerikan li kien wieħed mill-istilel tal-Steelers ta’ Pittsburgh, jiskopri marda deġenerattiva, imsejħa ‘Chronic traumatic encephalopathy’ jew CTE. Din il-kundizzjoni hija kkawżata minn daqqiet repetuti fuq il-moħħ bħalma jiġri ħafna drabi lil players tal-football Amerikan u anke lill-ġellieda tal-boxing. Webster kien ilu sejjer lura b’mod misterjuż kemm mentalment u kemm emozzjonalment qabel ma’ miet b’attakk tal-qalb fl-eta’ ta’ 50 sena. Diversi players veterani oħra wkoll inħakmu minn din il-kundizzjoni u xi wħud minnhom spiċċaw biex għamlu suwiċidju. Flimkien mal-kap tiegħu li kien jagħtih ħafna support, Dr Cyril Wecht, Omalu ppublika dak li skopra. Omalu jiġi mfaħħar minn Dr Julian Bailes, li qabel kien it-tabib ta’ Steelers. Iżda n-National Football League teħoda bl-aħrax kontra tiegħu, u l-istaff mediku tagħha, immexxi minn Dr Elliot Pellman, jippjanaw biex ikasbru lil Omalu, li kien minn Nigerja, u jiskreditaw ir-riċerka tiegħu. Omalu jsib li mhux faċli teħoda kontra organizzazzjoni kbira bħalma hija n-National Football League, u jibża’ li se jitlef l-impjieg tiegħu, iżda jsib support morali minn Prema Mutiso, emigranta bħalu, u li jsir iħobbha.
Film drammatiku, adattat minn artiklu ta’ Jeanne Marie Laskas li kien deher fil-magazine GQ, jismgħu ‘Game Brain’. Film interessanti, dwar ġrajja vera. Il-messaġġ tal-film huwa li l-kilba għal flus tal-kumpaniji l-kbar ma’ tħallihomx iħabblu rashom mis-saħħa u s-sigurta’ tan-nies, l-aqwa li jagħmlu l-flus. Il-film fih xeni ta’ dmija u kliem ħażin. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.