• ***

    Direttur:          Scott Derrickson
    Atturi:             Eric Bana, Edgar Ramirez, Olivia Munn, Sean Harris, Joel McHale, Chris Coy, Dorian Missick, Rhona Fox u Valentina Rendon
    Ħin tal-film:    118 min
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18
     
    Id-detektiv Ralph Sarchie, għal kollox mgħoti għal dak li daħal għalih beda jkollu effett negattiv fuq il-familja tiegħu barra wkoll li kien abbanduna l-Knisja Kattolika li darba kien jagħmel parti minnha. Sarchie kien l-aħħar persuna li kien ipoġġi l-imġieba korrotta u ħażina għal xi kawża sopranaturali. Sarchie kien ikollu ħafna minn dawn il-każijiet. Din id-darba iżda, iltaqa’ ma’ każ partikolari meta kien għassa qrib South Bronx ġewwa New York.  Il-ġrajjiet li bdew jiġru ġagħluh jaħseb u jissuspetta li din id-darba kien hemm bil-wisq iktar minn ħażen ordinarju għal dak li kien qiegħed jiġri.  Biex jgħinu jsib tarf tal-problema, sab l-għajnuna ta’ Father Joe Mendoza, saċerdot li kellu bidu imħawwad iżda issa sab it-triq  lejn is-sewwa billi kien jinvolvi ruħhu ma’ problema li kien hemm bżonn l-eżorċiżmu. Is-suspett prinċipali għal dak li kien qiegħed iseħħ, waqa’ fuq Mick Santino, li darba kien suldat fil-gwerra ta’ Iraq.  Kien jidħer biċ-ċar li dan Santino kien posssessat minn xi xitan. Iżda Sarchie għall-ewwel ma tantx ta’ importanza  sakemm il-ħażen li kien hemm ġewwa Santino beda jkollu effett fuq Jen, il-mara ta’ Sarchie u Christina, it-tifla tiegħu. Ftit wara wkoll id-dell ta’ Santino waqa’ fuq Butler, is-sieħeb tiegħu fix-xogħol. Mendoza beda juri lil Sarchie x’kien hemm tassew meħtieġ biex it-tnejn flimkien jiġġieldu kontra l-ħażen li kien hemm ġewwa Santino. Dan Sarchie seta` jagħmlu jekk jumilja ruħhu lejn  Alla u jerġa’ jdur għar-religjon li darba kien iħaddan.  Tgħid  Sarchie jikkonverti biex flimkien ma’ Father Mendoza jkun jista’ jeħles mhux biss l-inħawi fejn Santino kien qiegħed ikollu effett negattiv iżda fuq kollox iħares lill-martu u lill-bintu minn kull ħażen?

    Film maħdum tajjeb ħafna msejjes fuq storja vera mill-ħajja tad-detektiv Ralph Sarchie. Il-film għalkemm fih xena qawwija ta’ eżorciżmu,  iżda fih ukoll il-fidwa ta’ Sarchie minn ħajja xejn feliċi li kien għaddej minnha. Minħabba l-istorja fiha nfisha, kif ukoll vjolenza qawwija, u kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.