-
-
****
Direttur: Mick Jackson
Atturi: Rachel Weisz, Tom Wilkinson, Timothy Spall, Andrew Scott, Jack Lowden, Caren Pistorius u Alex Jennings
Ħin tal-Film: 110 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Deborah Lipstadt hi professoressa fuq l-Olakawst, fl-Universita Emory ġewwa Atlanta. Waqt lekċer li kienet qegħda tati, Lipstadt tkun sfrattata minn David Irving, skular fuq il-Ġermanja Nażista. Il-konfront bejniethom quddiem kulħadd xejn ma kien feliċi tant li Lipstadt qalet kliem li skont Irving kien inġurjuż barra li fil-kotba li kienet ippubblikat kitbet ċar u tond li Irving kien qiegħed jiċħad l-Olakawst. Fis-sena 2000, Irving fittex lil Lipstadt għal libell u dan għamlu ġewwa l-Ingilterra fejn is-sistema kienet li f’każ bħal dan il-provi li dan kien minnu kellu jiġi ppruvat mhux minn kien inġurjat iżda min kien inġurja. Lipstadt għalhekk kellha tqabbad tim legali biex tipprova dak li kienet tgħid u kitbet. Dan it-tim kien taħt it-tmexxjia ta’ Anthony Julius bħala avukat li jipprepara d-dokumenti legali u Richard Rampton bħala avukat li fil-liġi Ngliża għandu d-dritt jaħdem ta’ avukat fil-qrati superjuri. L-għan ta’ dan it-tim legali kien li jipprova juri li Irving kien jaf sew li kien qiegħed jigdeb u jsostni li mhux veru li l-Olakawst kien seħħ. L-ewwel ħaġa li għamlu dan it-tim, flimkien ma’ Lipstadt, marru ġewwa l-Polonja jagħmlu żjara fejn seħħ dan. Hemm iltaqgħu ma’ skular lokali waqt li t-tim legali ġewwa Londra talbu li d-djarji voluminużi kollha ta’ Irving ikunu disponibbli għall-iskrutinju. Lipstadt ma tantx kienet kuntenta fil-bidu meta t-tim legali talbuha li x-xogħol tagħha kien li tiġbor il-finanzi neċessarji li ma kienux ftit. Anke l-komunita’ Lhudija Brittanika talbet biex il-każ jiġi miftieħem barra l-qorti. Iżda kemm Lipstadt kif ukoll t-tim legali kienu diterminati li l-każ jitla’ quddiem il-qorti. Irving aċċetta wkoll li l-każ jinstema’ quddiem imħallef u mhux quddiem ġuri. Irving min-naħa tiegħu ddeċieda li jmexxi l-każ tiegħu hu stess. X’jiġri fil-qorti u kif jiżviluppa l-każ?
Film storiku Amerikan – Brittaniku msejjes fuq storja vera. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Mick Jackson, kitba ta’ David Hare bbażat fuq il-ktieb ta’ Deborah Lipstadt: History on Trial: My Day in Court with a Holocaust Denier. Minħabba l-film juri biċ-ċar u bid-dettall l-atroċitajiet li ġraw fil-kamp ta’ konċentrament ġewwa Auschwitz, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.