-
-
Il-qofol tat-twemmin ta’ kull Nisrani huwa f’Ġesù li rebaħ id-dnub u l-mewt bil-Qawmien Glorjuz tiegħU. Meta Ġesù reġa’ deher lill-appostli u d-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, qallhom, “Il-paċi magħkom”, u qallhom biex ma jibżgħux u jmorru jxerrdu l-aħbar. Bit-twemmin imġedded fil-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, nneħħu kull biża’ li jkollna minħabba f’dak li nemmnu, u bil-ferħ inxerrdu l-Aħbar it-Tajba ma’ ħutna l-Insara. Dan nistgħu nagħmluh billi nkunu vera ambaxxaturi tal-paċi fil-komunitajiet soċjali u reliġjużi li nkunu fihom. Huwa biss bil-paċi f’qalbna li nkunu kapaċi nittrasmettu l-messaġġ tal-Evanġelju lil dawk qrib tagħna. Jalla dan ikun żmien fejn bħala dixxipli ta’ Kristu, inġeddu t-twemmin Fih u naħdmu biex nibqgħu f’komunjoni Miegħu u fil-paċi fil-komunitajiet li ngħixu fihom.