-
-
***
Direttur: Alexander Payne
Atturi: Matt Damon, Christoph Waltz, Hong Chau, Kristen Wiig, Jason Sudeikis,Maribeth Monroe, Udo Kier, Rolf Lassgard, u Ingjerd Egeberg
Ħin tal-Film: 135 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
L-istorja tal-film teħodna fil-futur qrib fejn insibu lil Paul u Audrey Safrank, koppja miżżewwġa minn Omaha, f’qagħda finanzjarja xejn tajba. F’riunjoni ma’ sħabhom tal-iskola, jiltaqgħu ma’ Dave u Carol Johnson li jinsabu mċekknin fi proċess irriversibbli li kien gie inventat ħmistax-il sena qabel, proċess li min jgħaddi minnu jicċekken għal ħames pulzieri.
L-inventaturi waslu għal dan il-fenominu bil-għan li jnaqqsu l-iskart u hekk l-umanità tgħix f’ambjent aħjar. Dave jghid lill-koppja Safrank li għenithom jzidu l-valur tal-flus li kienu jdaħħlu. Paul u Audrey jiddeċiedu u jaqblu li għandhom jgħaddu minn dan il-proċess li jċekknu lilhom nfushom u jmorru jgħixu ġewwa Leisureland, post popolari fejn kienu jgħixu dawn in-nies li għażlu li jgħaddu minn dan il-proċess. Paul wara li jkun għadda mill-proċess, jirċievi telefonata mingħand Audrey fejn tgħidlu li kien reġa bdielha fl-aħħar minuta u li għalhekk kienet sejra tħallih.
Sena wara, Paul jiddivorzja lil Audrey waqt li issa jkun qiegħed joqgħod f’apartament modest u jaħdem bħala telemarketer. Meta Paul jiltaqa’ ma’ Dave jgħidlu li xejn ma kien kuntent li għamel dak li għamel. Ftit wara, Paul anke jħalli lil ħabiba li kien qabad. L-għada ta’ riċeviment ghand Dusan Mirkovic, il-ġar tiegħu, Paul jinnota lil Ngoc LanTran, waħda mill-ħaddiema li ġew biex inaddfu l-post. Lan Tran kienet attivista politikanti mill-Vjetnam li meta kienet il-ħabs ġiet mċekkna kontra r-riedha tagħha u mdaħħla ma’ oħrajn ġewwa l-Amerika f’kaxxa ta’ televixin. Kif waslet l-Amerika, kellha riġel wieħed amputat.
Paul jipprova jgħin bla suċċess lil Lan Tran biex jirranġalha r-riġel prostetika. Biex ipatti għall-iżball, Paul mar fejn kienet toqgħod fil-kwartier tal-foqra li kien jinsab ’l barra mill-ħitan ta’ Leisureland biex jgħinha. Minn hawn, il-ħajja ta’ Paul ħadet spinta oħra u nbiddlet għal kollox. X’ġara minn hawn li biddlitlu ħajtu? Lan Tran kienet tgħin ħafna lill-foqra f’dan il-kwartier. X’jiġri meta Dusan jistieden lil Paul biex jmur miegħu n-Norveġja fejn kienet mwielda l-ewwel komunità ta’ dawn in-nies ċkejknin? Lan Tran tirsisti li tmur magħhom. Film Amerikan ta’ fantaxjenza, taħt id-direzzjoni ta’ Alexander Payne u kitba ta’ Payne u JimTaylor. L-istorja toħroġ tajjeb il-pożittiv għal min ikun altruist, kif kienet Lan Tran u li kienet kapaċi tbiddel il-ħajja ta’ Paul għat-tajjeb u jibda jara l-ħajja b’lenti ġdida.