-
-
****
Direttur: Ridley Scott
Atturi: Christian Bale, Joel Edgerton, John Turturro, Aaron Paul, Ben Mendelsohn, Sigourney Weaver, Ben Kingsley u Maria Valverde
Ħin tal-Film: 150 min.
Klassifika taċ-Ċensura: PG
Klassifika tal-Knisja: 12AFis-sena 1300 Qabel Kristu, Mose, membru fil-familja Rjali u General fl-armata, flimkien mal-Princep Ramesses, jattakkaw l-armata tal-Hitti. Il-Farajun Seti I jhabbarlilhom li skond profezija, wieħed minnhom kien sejjer isalva lill-ieħor u jsir mexxej kbir. Fil-fatt, Mose jsalva lil Ramesses minn mewta ċerta. Din il-ġrajja, tħalli effett kbir fuq iż-żewġ irgiel! Ftit ġimgħat wara, Mose jintbagħat fil-belt ta’ Pithom. Hemm jiltaqa’ ma’ Hegeb, il-viċi-re li kien jieħu ħsieb l-iskjavi Lhud. Mose jiltaqa` wkoll mal-iskjav Goswe. Mose xejn ma ħa pjaċir bil-kundizzjoni li dawn l-skjavi kienu jinżammu. Hu jiltaqa wkoll ma’ Nun li jinfurmah li hu kien iben omm Lhudia u li kienet oħtu Miriam li kienet imqabbda biex tieħu ħsiebu f’isem il-prinċipessa, bint Farajun. Mose jitħawwad b’dak li sema’. Sfortunatament din il-konversazzjoni issemmat b’kumbinazzjoni minn żewg skjavi Lhud li nfurmaw lil Hegeb. Mose jerga’ lura lejn Memphis. Seti jmut u minfloku jsir Farajun, Ramesses. Hegeb jagħmel żjara lil Ramesses u jikxef dak li kien sema’ fuq Mose. Ramesses jitħawwad u jkun irid jaf il-verita`. Ma jdumx ma jsir jaf kollox b’riżultat li Mose jintbagħat fl-eżilju. Wara tant jiem f’periklu kbir, Mose jasal Midian fejn hemm jiltaqa’ ma’ Zipporah u missierha Getro. Zepporah. Jgħaddi ż-żmien. F’rivelazzjoni, Mose jkollu dehra t’Alla fil-persuna ta’ Malak, tfajjel li jgħidlu li ġie magħżul biex imur l-Eġittu u hemm joħroġ il-poplu Lhudi mill-iskjavitu. Mose jmur l-Eġittu fejn jiltaqa’ ma’ Nun, Goswe u Aaron. X’jiġri hekk kif Mose jordna lil Farajun Ramesses biex jeħles lill-Lhud mill-iskjavitu? Farajun jirrufjta li jagħmel dan. Mose minnaha tiegħu jħarreg lill-iskjavi fl-arti tal- gwerra u jibdew jattakkaw l-armata Eġizzjana. Iżda Mose jfalli. Minn hawn Malak jinforma lil Mose li Alla kien sejjer jieħu kollox f’idejh billi jibgħat għaxar kastigi fuq l-Eġittu. X’jiġri minn hawn? Kif iseħħ l-Exodus?
Film epiku, msejjes fuq il-Bibbja, taħt id-direzzjoni ta’ Ridley Scott, jirrakkonta l-Exodus mill-Eġittu tal-Poplu Lhudi taħt it-tmexxija ta’ Mose bl-intervent dirett t’Alla. Il-film għalkemm mhux daqshekk fidil lejn ir-rakkont bibliku iżda jgħati messaġġ ċar fuq il-kobor t’Alla u l-mexxej li Hu għażel biex imexxi l-Poplu tiegħu għal ħelsien. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu 12 –il sena u fuqhom iżda persuni taħt l-eta` iżgħar jistghaw jarawh akkumpanjati minn persuna adulta.