• ***

    Direttur: Gavin Hood
    Atturi: Helen Mirren, Alan Rickman, Aaron Paul
    Ħin: 102 minuti
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited.
     
    Klassifika tal-Gvern: 15
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Grupp ta’ terroristi ta’ al-Shabaab, li jinkludu mara ingliża u amerikan,  jinġabru f’dar ħdejn suq f’Nairobi, il-Kenja. Tlett gvernijiet, tal-Ingilterra, tal-Istati Uniti u tal-Kenya,  isegwu lil dawn it-terroristi għal dan il-post. L-operazzjoni militari hija taħt il-kmand tal-Kolonel Katherine Powell, li tieħu l-ordnijiet mingħand il-Lt. General Frank Benson. Il-piloti tal-ajruplani drone huma bbażati l-Amerika. Is-survelljanza turi biċ-ċar li t-terroristi qedin f’dik id-dar, u turi wkoll li qedin jippreparaw l-isplossivi għal attakk suwiċida imminenti. Powell hija tal-fehma li d-drones għandhom jattakkaw malajr u b’mod deċisiv. Imma l-preżenza ta’ tifla żgħira fl-inħawi ta’ dik id-dar tikkomplika l-affarijiet. L-isparar ta’ missila teħtieġ l-approvazzjoni ta’ diversi kwartjieri: il-kapijiet militari jridu jikkonfermaw li l-objettivi, jiġifieri, il-qtil tat-terroristi u l-prevenzjoni ta’ azzjoni terroristika, se jintlaħqu; l-avukati jridu jaqblu li l-attakk hu legali; u r-rappreżentanti politiċi jridu jiżnu kif l-aħbar ta’ dan l-attakk se tiġi użatha mill-media. Hemm kważi qbil li t-terroristi għandhom jitwaqqfu. Imma meta jidher li tifla innoċenti probabilment se tiġi maqtulha wkoll, is-sitwazzjoni ma tkunx daqshekk sempliċi. Jekk tiġi maqtula flimkien mat-terroristi min se jirbaħ il-gwerra tal-propoganda? U x’jiġri jekk filmat tal-attakk, minkejja li hija missjoni sigrieta, jidher fuq YouTube? Għalhekk, qabel ma tittieħed deċiżjoni jiġu kkonsultati l-prim ministru ingliż u s-segretarju ta’ l-istat amerikan.
    Thriller drammatiku, maħdum tajjeb ħafna, li jirrifletti fuq problema morali: l-ajruplani drones għandhom dritt joqtlu ċittadini ingliżi u amerikani u b’hekk jiċħdulhom id-dritt għal smiegħ xieraq? U sewwa li tissogra toqtol tifla innoċenti li qedha tbiegħ il-ħobż biex tgħin lil familja tagħha? Dawn huma għażliet diffiċli li l-awtoritajiet iridu jagħmlu. Il-film ma jiġġudikax jekk hux sewwa jew le, imma biss juri l-argumenti favur u kontra. Il-film fih xeni ta’ vjolenza u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.