-
-
***
Diretturi: John Francis Daley u Jonathan Goldstein
Atturi: Jason Bateman, Rachel McAdams, Billy Magnussen, Sharon Horgan, Lamorne Morris, Kylie Bunbury, Jesse Plemons, Michael C. Hall u Kyle Chandler
Ħin tal-Film: 100 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Max u Annie li kienu jħobbu jieħdu sehem f’logħob kompetittiv ma’ ħbiebhom, isiru jafu lil xulxin waqt wieħed minn dawn l-iljieli. Issa li jinsabu miżżewġin, jixtiequ ħafna li jkollhom it-tfal. Sfortunatament, t-tentattivi qatt ma taw frott minħabba li Max kellu tant tensjoni fuqu li ma kienx possibbli li dak li tant xtaq, qatt iseħħ. Il-problema kienet ġejja minħabba ħuh Brooks. Max kien iħoss ruħu mhux adegwat meta jikkompara ruħu miegħu. Brooks kellu iktar suċċess fil-ħajja, barra li kien ukoll aktar attraenti.
Lejla waħda, meta Max u Annie kienu qegħdin f’lejla ta’ logħob kompetittiv ma’ ħbiebhom Ryan, Kevin u martu Michelle, Brooks, bla ma kien mistenni, jħabbat il-bieb. Kien ġie bla ma avża, b’karozza lussuża, Corvette Stingray, karozza li dejjem xtaq minn tfulitu. Waqt is-serata, nieqes fosthom kien hemm il-ġar pulizija u l-eks martu li kienu fil-proċess li jiddivorzjaw.
Waqt is-serata, Brooks kien vera antipatiku u beda jsemmi stejjer embarazzanti ta’ tfulithom tant li anke Anne sabet lil Brooks vera bla gost ta’ xejn. Anne, flimkien ma’ Max iddeċidew li waqt lejla oħra ta’ logħob kompetittiv, li Brooks kien offra li ssir fid-dar li kien kera għal waqt iż-żjara tiegħu, jagħmlu ħilithom biex jirbħulu. Meta waslet il-lejla u l-mistednin bdew jaslu, fosthom Sarah, ħabiba ġdida ta’ Ryan, Brooks ħa l-inizjattiva li jintroduċi l-logħba misterjuża u li min jirbaħ kellu jieħu l-karozza lussuża.
Kif temm l-introduzzjoni, jidħol fuqhom attur, jilgħabha ta’ aġent tal-FBI. Kif qiegħed ifehmhom il-logħba, jidħlu żewġt irgiel b’wiċċhom mgħotti, jattakkaw bil-forza lill-attur u jaħtfu lil Brooks wara ġlieda kbira miegħu. Il-mistednin jaħsbu li din ix-xena kienet parti mill-logħba. Fil-fatt kienet tassew logħba jew kienet qed isseħħ bis-serjetà u Brooks kien inħataf tassew? X’kien qiegħed jiġri fir-realtà? X’jagħmlu t-tliet koppji li baqgħu jemmnu li din kienet parti mill-logħba li Brooks kien ħejja?
Film Amerikan, kummiedja ħelwa u fl-istess waqt toffri misteru, hu taħt id-direzzjoni ta’ John Francis Daley u Jonathan Goldstein, kitba ta’ Mark Perez. Minħabba vjolenza mdemmija u ġlied, użu ta’ kliem ħażin u goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.