-
-
****
Direttur: Peter Farrelly
Atturi: Viggo Mortensen, Mahershala Ali, Linda Cardellini, Dimeter Marinov, Mike Hatton, Iqbal Theba, Sebastian Maniscalco u P. J. Byrne
Ħin tal-Film: 130 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Frank “Tony Lip” Vallelonga jaħdem bħala bouncer ġewwa l-Copacabana Nightclub fi New York. Dan l-istabbiliment kellu jagħlaq għal tmien ġimgħat għal rinnovament u għalhekk Frank ried isib xi biċċa xogħol biex f’dawk il-ġimgħat ikun jista’ jaqla’ xi ħaġa ta’ flus għall-familja. Għal dan il-għan imur għal intervista ma’ “Doc” Don Shirley, pjanista, Afro-Amerikan li xtaq jikri miegħu xufier għal tmien ġimgħat, f’tour li kien sejjer jagħmel ġewwa n-nofsinhar tal-Amerika fejn kien sejjer jagħti kunċerti f’numru ta’ bliet. Shirley, fuq ir-referenzi li kellu, aċċetta lil Frank li jkun ix-xufier tiegħu bi ftehim li għal Milied, Frank ikun lura New York biex jiċċelebrah mal-familja tiegħu. Shirley jagħtih kopja tal-Green Book li fih kien hemm id-dettalji kollha għal xi vjaġġatur Afro-Afrikan li jkun sejjer jagħmel żjara fl-Amerika ta’ Isfel. It-tour kellu bidu fil-Midwest sakemm eventwalment niżel l-Isfel.
Għall-bidu, Frank u Shirley kienu jitlewmu spiss. Frank xejn ma kien jieħu pjaċir meta Shirley kien jirsisti miegħu biex ikun aktar raffinat. Hekk kif it-tour jaqbad ir-ritmu tiegħu, Frank jibda japprezza t-talent mużikali fuq il-pjanu li Shirley kien juri, iżda kien jiddejjaq ukoll ħafna bit-trattament diskriminatorju li Shirley kien jirċievi minn dawk li kienu stednuh, kif ukoll il-pubbliku ġenerali meta ma kienx ikun fuq il-palk idoqq. Meta grupp ta’ nies bojod jheddu ħajjet Shirley, Frank, fl-istil tiegħu, isalvah.
Tul il-vjaġġ, Shirley jgħin lil Frank jikteb ittri sentimentali lill-martu Dolores li kienet tassew tieħu pjaċir bihom. Frank min-naħa tiegħu kien jinkoraġġixxi lil Shirley biex jagħmel kuntatt mill-ġdid ma’ ħuh li kien tilef kull kuntatt miegħu. Shirley min-naħa tiegħu jinsab inċert għaliex il-ħajja professjonali kienet iżżommu milli jagħmel dan. X’jiġri meta Shirley jinstab ġewwa YMCA swimming pool frekwentata minn irġiel bojod omosesswali? Hekk ukoll, kif jirnexxielhom Frank u Shirley jinħelsu minn idejn il-pulizija li arrestawhom t-tnejn fit-triq u Frank, għax ġie pprovokat, ta daqqa ta’ ponn lil wieħed minnhom?
Film Amerikan, dramm kummiedja li sseħħ fil-bidu tas-snin sittin fin-Nofsinhar tal-Amerika, hu taħt id-direzzjoni ta’ Peter Farrelly u kitba ta’ Nick Vallelonga, Brian Hayes Currie u Peter Farrelly. Minħabba akkużi razzjali li jxerdu mibegħda u jagħmlu l-ħsara, referenzi fuq l-omosesswalità, kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.