**
Direttur: Louis Leterrier
Atturi: Sacha Baron Cohen, Mark Strong, Penelope Cruz
Ħin: 83 minuti
Maħruġ minn KRS Releasing Limited
Klassifika tal-Gvern: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Nobby Butcher jgħix fi Grimsby, belt żgħira qrib il-baħar fit-tramuntana ta’ l-Ingilterra. Hu aktar interessat fil-football u fil-birra milli fid-disa’, jew forsi ħdax, tfal tiegħu. Huwa jsir jaf li ħuħ Sebastian, li kien infired minnhu 28 sena ilu wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom, jinsab qawwi u sħiħ. Sebastian kien ġie adottat minn familja tat-tajjeb li tawh edukazzjoni tajba u sar aġent importanti tal-MI6. Iż-żewġ aħwa jerġgħu jiltaqgħu waqt laqgħa għal karita’ f’Londra. Minħabba Nobby Sebastian flok jaqbad assassin, kif kien ippjanat, minflok jispara u joqtol lid-direttur tal-World Health Organization u jferi attivist dwar l-AIDS tat-tfal. L-MI6 jikkonkludu li Sebastian huwa traditur perikoluz u jipprovaw joqtluh. Sebastian jaħrab biex jipprova l-innoċenza tiegħu u fl-istess ħin isalva d-dinja mit-terroristi, u kontra qalbu jkollu jieħu lil Nobby miegħu. Huma jitilqgħu lejn is-South Africa u ċ-Chile segwiti minn aġent tal-MI6 bla qalb u minn assassin imqabbdin mill-kap ta’ Sebastian. L-aħwa, iżda, isibu l-għajnuna minn-nies tal-post, minn kollega ta’ Sebastian u minn sħab Nobby.
Film kummiedja dwar żewġt aħwa li kienu infirdu u li trabbew b’mod differenti ħafna u li jerġgħu jingħaqdu flimkien biex jeħduha kontra t-terroriżu globali. Bħala kummiedja huwa fjakk u jipprova jdaħħaq l-iktar b’mossi vulgari. Il-film fih ħafna vjolenza, kliem ħażin, u xeni sesswali. Jgħodd għal udjenza adulta.