• **

    Direttur: Christian Ditter
    Atturi: Dakota Johnson, Rebel Wilson, Alison Brie, Leslie Mann, Nicholas Braun, Jason Mantzoukas u Damon Wayans
    Ħin tal-Film: 109 min
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
     
    Alice wara li tħalli bħal l-Erbgħa f’nofs il-gimgħa, lil Josh, ħabib tal-qalb għal numru ta’ snin, tmur New York biex tkompli l-karriera tagħha bħala para-avukat. Hi tmur għand oħta Meg, li għalkemm ix-xogħol tagħha hu ta’ ġinokologa, iżda ma kellhiex il-ħsieb li xi darba jkollha tfal jew xi forma ta’ relazzjoni soda ma’ xi ħadd. Alice minnaħa tagħha ssir ħabiba ma’ Robin, kollega fuq ix-xogħol. Robin kienet tħobb ħafna l-ħajja mtajra, valuri ta’ xejn. Robin tintroduċi lil Tom,  barman, lil Alice. Dan Tom kien iddikjara ruħu bħala għażeb għall-ħajtu u għalhekk kien f’qagħda  li jkollu relazzjonijiet każwali ma’ ħafna tfajliet kemm u meta rried. Tom jiltaqa’ ma’ Lucy fil-ħanut tax-xorb li kien jieħu ħsieb u tgħidlu li qegħda tfittex lil xi ħadd li jkun jaqbel magħha mija fil-mija. Sadanittant Alice tidhol f’relazzjoni ma’ Tom li minnaħa tiegħu jagħmilha ċara li dik ir-relazzjoni kienet biss każwali. Meta Alice tiltaqa’ ma’ Josh, l-eks-maħbub tagħha u turih ix-xewqa li tkompli r-relazzjoni miegħu, Josh bla tlaqlih, jigħdilha li issa beda relazzjoni ma’ ħaddieħor. Din l-aħbar xejn ma togħġob lil Alice. Minnaħa l-oħra, Meg tbiddel l-idea li ma jkollhiex tfal u għalhekk  turi x-xewqa li jkollha tarbija permezz ta’ sperma minn donatur. L-ewwel attentat ma jirnexxiex u għalkemm Meg tibda relazzjoni ma’  Ken, tipprova għat-tieni darba b’suċċess toħrog tqila,  iżda lil Ken ma tigħdlu xejn. Lucy ukoll kienet għaddeja minn għadd ta’ relazzjonjiiet li ma tantx idumu. Tom minnaħa tiegħu  jirrealizza li beda jammira lil Lucy. Fil-kuntest ta’ dan it-taħwid li l-erba’ ħbieb, Alice, Robin, Lucy u Meg kellhom, kif kienu sejrin jiżvillupaw xi forma ta’ stabbilta’  fil-ħajja tagħhom u jsiru adulti responsabbli?
    Film romantiku u kummiedja Amerikana, taħt id-direzzjoni ta’ Christian Ditter, tlaqqagħna ma’ erba’ tfajliet, li għadhom mhux ċerti mill-futur tagħhom, jekk jibqgħux mhux miżżewwġa jew  jibdew relazzjoni soda li twassalhom għaż-żwieġ. Minħabba li l-film hu nieqes ħafna minn valuri umani u għalhekk jimplika ħajja bla kontroll u bla parametri fejn tidħol moralita’, kif ukoll ċajt u kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.