Matul ix‑xahar ta’ Settembru, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta xxandar il‑quddiesa kuljum fid‑9:30am fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta. Mit‑Tnejn sas‑Sibt tixxandar it‑talba tar‑rużarju fuq Knisja.mt, Newsbook Malta, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Kull nhar ta’ Ħadd, il‑quddiesa tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta, l‑istazzjon tar‑radju RTK 103, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

L‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra l‑quddies f’dawn il‑ġranet:

Is‑Sibt 7 ta’ Settembru, fis‑6:30pm, l‑Arċisqof jiċċelebra pontifikal statali fit‑tifkira taż‑żewġ assedji ta’ Malta, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Marija Bambina l‑Mellieħa.

Il‑Ħadd 8 ta’ Settembru, fid‑9:30am, festa tat‑Twelid tal‑Verġni Marija, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Kappella tat‑Twelid tal‑Verġni Marija fil‑Forti Sant’Anġlu fil‑Birgu, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u radju RTK 103.

Il‑Ħadd 15 ta’ Settembru, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa mill‑Knisja tal‑Madonna tal‑Karmnu f’San Pawl il‑Baħar, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u radju RTK 103. Fis‑6pm jiċċelebra quddiesa fil‑festa liturġika tal‑Verġni Mqaddsa Marija tad‑Duluri fil‑Knisja Parrokkjali tal‑Madonna tad‑Duluri f’San Pawl il‑Baħar.

It‑Tlieta 17 ta’ Settembru, fl‑10am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Knisja ta’ San Franġisk fil‑Belt Valletta f’għeluq it‑800 sena minn meta San Franġisk ta’ Assisi rċieva l‑pjagi fuq il‑Muntanja Verna fl‑Italja. Fis‑6:30pm jiċċelebra quddiesa f’għeluq l‑20 anniversarju mit‑twaqqif ta’ Drachma, f’Mount St Joseph fil‑Mosta.

Is‑Sibt 21 ta’ Settembru, fid‑9:30am, Jum l‑Indipendenza, l‑Arċisqof jiċċelebra pontifikal statali mill‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u radju RTK 103. Fis‑6:30pm jiċċelebra quddiesa  u jqiegħed warda tad‑deheb quddiem ix‑xbieha tal‑Verġni Marija, fis‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Mellieħa fil‑Mellieħa.

Il‑Ħadd 22 ta’ Settembru, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fis‑60 anniversarju mit‑twaqqif tal‑Istitut Sekulari Spigolatrici della Chiesa fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u radju RTK 103. Fis‑6pm jiċċelebra quddiesa f’għeluq il‑50 sena mit‑twaqqif tal‑Parroċċa tal‑Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid.

Il‑Ġimgħa 27 ta’ Settembru, fis‑6:30pm, l‑Arċisqof jikkonċelebra f’quddiesa li l‑Isqof Henry Balzan se jiċċelebra b’radd il‑ħajr tal‑ordinazzjoni episkopali tiegħu, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu fil‑Ħamrun.