Hawnhekk, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, il-Mulej jagħtini l-grazzja li napprezza bil-bosta x-xogħol tant dedikat tat-team mediku kollu. Kemm napprezza bil-kbir il-kura li jagħtuna bħala pazjenti kemm għax hi tal-ogħla kwalità u anki wkoll l-għaliex l-mod kif tingħata hu tassew għaref u li jolqot mill-qiegħ nett il-bżonnijiet ta’ kull persuna.

Filwaqt li nuri l-apprezzament tiegħi lejn kulħadd, ħaddiema Maltin u mhux Maltin, nixtieq ninkoraġġiehom ilkoll ħa jibqgħu dejjem jitgħallmu mhux biss mill-kotba imma, u fuq kollox, mill-minjiera bla tarf tal-esperjenza. Ma ninsewx dak li kien iħobb jgħid il-politiku u wieħed mill-aqwa storiċi li qatt kellha Ruma tal-qedem skond l-iprem studjużi ta’ dan il-perjodu storiku, il-magħruf Publius Cornelius Tacitus, jew kif sempliċiment nafuh b’Tacitus (56-120): Experientia docet, l-esperjenza tgħallem.

Kemm hu mportanti li nħalli l-esperjenza tgħallimni! U, mill-iżbalji tiegħi l-ewwel wieħed, kemm hu meħtieġ fuq li meħtieġ li niftaħ djalogu onest, miftuħ u oġġettiv mal-esperjenza. Li nkun konxju u konxjata’ dak li qed jiġri fija u madwari hu vitali. B’hekk nista’ nisma’ il-pataflun ta’ messaġġi li jasluli minn kull direzzjoni fis-sitwazzjoni li nkun fiha. B’hekk nista’ tassew nikber u nimxi ‘l quddiem.

Il-parir ta’ San Karlu Borromeo

F’dan ir-rigward ma nistax ma nsemmiex il-magħruf Kardinal u Isqof ta’ Milan li jurina tabilħaqq il-bżonn kbir li nkunu nies li fil-ħajja mhux naqbdu u nfattru imma naħsbu, nixtarru, nagħrblu u mbagħad naġixxu. Qed ngħid għal San Karlu Borromeo (2 t’Ottubru 1538- 3 ta’ Novembru 1584).

Dan il-qaddis kbir, għax kien saqajh mal-art waħda sew, hekk kiteb lilna s-saċerdoti fid-diskors tiegħu fl-aħħar sinodu tiegħu: “Aħna lkoll dgħajfa, u jien dan ma niċħdux, imma l-Mulej Alla tana l-mezzi kollha biex, jekk irridu, ngħinu ruħna bil-ħeffa kollha. … Ifhmu, ħuti, li xejn ma hu meħtieġ għall-qassisin aktar mill-meditazzjoni, li għandha tiġi qabel kull ħaġa oħra li nagħmlu, tissieħeb magħna f’kulma nagħmlu, u għandha tiġi wkoll wara kull ħaġa li nagħmlu. Irrid ngħanni, jgħid il-Profeta, irrid nimxi bil-għaqal. Għażiż ħija, jekk int tamministra s-sagramenti, aħseb x’qed tagħmel; jekk int tqaddes, aħseb x’qed toffri; jekk tgħid l-uffiċċju fil-kor, aħseb x’qed tgħid u ’l min qed tkellem; jekk qed tmexxi l-erwieħ, aħseb bid-demm ta’ min ġew mifdija, ħa jsir kollox fostkom bl-imħabba. B’hekk inkunu nistgħu nirbħu d-diffikultajiet kollha li bl-eluf iġarrbuna kuljum, għax din hi l-ħajja li rridu ngħixu; b’hekk ikollna l-qawwa biex inwieldu ’l Kristu fina u fl-oħrajn.”

Dan id-diskors ma jgħoddx biss għall-qassisin, għall-patrijiet, għall-frajiet u għas-sorijiet. Ibda’ biex dan id-diskors joqgħod kexxun għal kull mingħandu dellu tqil fil-ħajja pubblika u anki għal min għandu f’idejh it-tmexxija tal-ħajja tal-familja. Ilkoll għandna bżonn role models fuq min nimxu. Mela, u flimkien, għax kulħadd dgħajjef, jien l-ewwel wieħed, ejjew ngħinu lil xulxin biex nidraw nimmeditaw qabel, waqt u wara li nagħmlu l-azzjoni. Hekk, u bil-mod il-mod u bl-ingwanti kemm jista’ ikun magħna nfusna u mal-oħrajn, nibdew proċess ta’ maturazzjoni. Ma nibqgħux le t-tifel u t-tifla li jagħmel u tagħmel dak li jħoss u tħoss u dak li jiġi f’moħħu u f’moħħha.

Meta nitilqu lilna nfusna f’dan il-proċess u nsiru studenti umli tiegħu tiskanta kemm nikbru u nimmaturaw. Għidli ftit jekk dan hux mediċina? U mediċina mingħajr l-anqas nitfa’ ta’ kimika tiġri fiha?

Il-mediċina fil-kliem

Għadni niftakar fil-kliem mill-isbaħ u mitqlu deheb ta’ kollega tiegħi meta kont kappillan fl-Isptar Mater Dei, il-Professoressa fil-qasam tan-Nursing Dona Baldacchino (8 ta’ Mejju 1952 – 30 ta’ Marzu 2017). Tiftakru t-titlu tal-programm li kienet tippreżenta għal snin twal fuq Radju Marija u li fih kienet tistieden bosta professjonisti mill-qasam tas-saħħa? Dan il-programm tant sabiħ, għax għalliemi, kien jismu Il-kuraġġ nofs il-fejqan.

U minfejn jiġi l-kuraġġ? Mill-esperjenza tiegħi fil-ħidma ma’ ħutna l-morda fl-isptarijiet l-Ispirtu s-Santu l-ħin kollu jgħallimni li kull kelma, nofs kelma u anki s-skiet f’postu, jgħinu bil-bosta biex persuna tieħu l-kuraġġ li għandha bżonn. Il-kliem f’postu hu mediċina prima. U dan, nerġa’ ngħid, qed tgħallimhuli l-esperjenza tiegħi stess fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija.

F’dawn il-jiem tal-Għid oħtna l-mewt ma naqsitx li żżurna. Niftakarni f’lejla minnhom nidħol f’sala partikulari u nsib ruħi fi djalogu ma’ iben raġel li ħalliena. Kellna diskussjoni sabiħa, anki jekk il-waqt kien iebes. Isimgħu ftit x’messaġġ bgħattli dan ħuna l-għada ta’ din id-diskussjoni tant meħtieġa li kellna flimkien il-jum ta’ qabel: “Patri, dan hu … Niżik ħajr ħafna għall-kliem mimli ħlewwa tiegħek ilbieraħ u f’dan il-jum. Int kont miegħi meta missieri ħalla din id-dinja f’din l-għodwa. F’xi mument se niġi u nżurek biex niżik ħajr personalment”.

Minix qed ngħid dan biex iċċapċapli u tgħidli: “Bravu Patri Mario!” U lanqas qed ngħidlek dan biex nirrabjak lanqas. Dan qed ngħidu għas-sempliċiment fatt li kelma tajba dejjem tagħmel ġid kbir. U jekk minn fommi għadu ma joħroġx kliem tajjeb “aħjar nieħu break milli nsir u nagħmel lil ħaddieħor stake!”

Ix-xhieda Bibblika

Kliem f’postu u li jfarraġ hu mediċina tassew. Il-Bibbja dan turiehulna l-ħin kollu. Bħalissa qed jiġu quddiem għajnejja għadd ta’ versi bibbliċi li jsaħħu dan li qed nipprova naqsam magħkom.

Hekk, ngħidu aħna, fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin nsibu miktub dan: “Agħmlu l-qalb lil xulxin b’dan il-kliem” (1 Tess 4:18). Hemm hi l-idea tant importanti ħuti: bil-kliem nistgħu nagħmlu l-qalb lil xulxin. Mela nagħmlu dak il-kuraġġ li hu nofs il-fejqan! Fil-ktieb mitqlu deheb tal-Proverbji nsibu dan li ġej: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf,
imma lsien l-għorrief idewwi” (Prov 12:18). Jerġa’ jfakkarna l-Ktieb tal-Proverbji: “Lsien ħelu bħal siġra tal-ħajja, imma lsien ħażin imewwet il-qalb” (Prov 15:4).

L-aħħar żewġ sentenzi mill-Ktieb tal-Proverbji ta’ min isemmihom fuq li jsemmihom: “Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda, hi l-kelma li tingħad f’waqtha” (Prov 25:11). “Jifraħ min jaf jagħti tweġiba tajba; kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!” (Prov 15:23).

Kelmet xi ħassieba

Xi ħassieba ma naqsux milli jikkumentaw fuq il-mediċina li jħaddan fih il-kliem. Jgħidilna l-filosfu Franċiż Blaise Pascal (19 ta’ Ġunju 1623 – 19 t’Awwissu 1662): “Kliem ħelu ma jiswix wisq. Imma jikseb ħafna”.

Jekk ilsieni iniggeż ħa niftakar f’dak li jgħidli l-qassis teologu u kittieb tal-innijiet Ingliż Dun Frederick William Faber (1814-1863): “Bl-għajnuna tal-grazzja d-drawwa li nlissen kliem ħelu issir malajr u meta ssir ma tantx tintilef malajr”. Il-magħruf kittieb u għalliem Amerikan fl-iżvilupp tagħna nfusna Dale Carnegie (24 ta’ Novembru 1888 sal-1 ta’ Novembru 1955), qal: “Forsi għada tinsa l-kliem ħelu li tlissen illum imma min jirċevih jgħożżu tul ħajtu kollha”.

Fl-aħħar nett, il-filosfu u matematiku Ġermaniż Ludwig Philipp Albert Schweizter (14 ta’ Jannar 1875 – 4 ta’ Settembru 1965) jgħid: “Ħlewwa kostanti tikseb bil-bosta. Bħalma x-xemx iddewweb is-silġ il-ħlewwa twassal lin-nuqqas ta’ ftehim, nuqqas ta’ fiduċja u l-ostilità biex jevaporaw”.

“Min għandu widnejn ħa jisma’” (Mt 11:15; 13:9. 43).

L-ilsien mediċina

Ara ftit hux kif tkun il-mediċina! Mela, il-mediċina m’hijiex biss kimika imma tmur ħafna u ħafna aktar minhekk. Il-mediċina tinstab fil-kliem li għandna u m’għandniex ngħidu. Għalhekk, jekk qed inkun buli u bulija fi kliemi għax qed nirraġuna bħal-klikka tiegħi li jirraġunaw: “saħħittna fi lsienna, kliem xufftejna magħna, min hu sidna?” (S 12:5) aħjar nagħmel pass lura, immur inqerr qrara, nitlob maħfra u nikkura l-uġiegħ li kkawżajt f’qalb ħaddieħor, u nsib ‘l min jiftaħli għajnejja ħalli lsieni jsir mediċina ta’ serħan il-qalb għall-oħrajn u mhux virga li ssawwat bla ħniena sakemm tifleġ, tferi, tiżloga u toqtol.

U jekk s’issa għadni mhux konvint u konvinta minn dan ħa nerġa’ nfakkrek f’dan il-kliem tad-deheb mill-Ktieb tal-Proverbji: “Il-kliem ħelu bħal xehda għasel, hu ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem” (Prov 16:24).

L-ilsien! Li ġie maħluq biex ikun tabilħaqq … il-mediċina! …

Minn Patri Mario Attard OFM Cap