Ġesù mbagħad qabad iċanfar bis-sħiħ l-ibliet li ma wrewx indiema minkejja l-ħafna mirakli li kien għamel fihom: “Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li wrew indiema bl-ilbies ta’ l-ixkejjer u l-irmied. Iżda ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. U int, Kafarnahum, taħseb li se titgħolla sas-sema? Sal-qiegħnett għad tinxteħet! Għax kieku l-mirakli li saru fik saru f’Sodoma, kieku għadha wieqfa sa llum. Imma ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għall-art ta’ Sodoma milli għalik.”