Mbagħad qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, ‘Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.’ Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, ‘Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejjqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.’ ” U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Mbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajjtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”
Il-Qaddis tal-Jum: Santa Agostina Pietrantoni