Niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f’jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies, li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta’ wieħed li għandu s-setgħa. U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta’ xitan imniġġes, u qabad jgħajjat b’leħen għoli: “Ah! x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla?” Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu?” Mbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara. U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: “Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b’setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu?” U l-fama tiegħu xterdet ma’ kullimkien f’dawk l-inħawi kollha.