Kif kien għadu jgħidilhom dan, resaq lejh wieħed mill-kapijiet, nxteħet f’riġlejh u qallu: “Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix.” Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu. Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa, għax bejnha u bejn ruħha qalet: “Mqar jekk immiss il-libsa tiegħu, nfiq.” Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: “Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejjqitek.” U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet. Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ; u qalilhom: “Warrbu, għax it-tifla m’hijiex mejta, imma rieqda.” U qabdu jiddieħku bih. Iżda hu keċċa n-nies ‘il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet. U din l-aħbar xterdet ma’ dak il-pajjiż kollu.