Bi preparazzjoni għas-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, ta’ min nistaqsu aħniex nirrispettaw u ngħixu f’armonija mal-ħolqien, kif ukoll aħniex ngħixu d-doni li ħadna fis-sagramenti tal-magħmudija u tal-griżma tal-isqof fejn ingħatajna l-milja tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej.
Dan l-Ispirtu għandna nħalluh imexxina fit-tieni sena tal-proċess ekkleżjali ta’ Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, imniedi fl-aħħar Assemblea Djoċesana bit-tema Knisja li tisma’ hi Knisja li tilqa’, b’rabta mal-mixja sinodali lejn is-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir fl-2023.
Matul is-sena li ġejja bħala Knisja rridu nisimgħu lil Ġesù billi nkunu eqreb lejn in-nies inkluż dawk li huma mweġġgħa. Sfida, imma fl-istess ħin opportunità għall-Knisja, hi li nfittxu l-wiċċ ta’ Ġesù fil-qalb ta’ kull wieħed minn ħutna, speċjalment f’dawk li jinsabu fil-periferiji.
Inħeġġukom tipparteċipaw u tgħinu lin-nies jipparteċipaw f’dan il-proċess sabiex jintlaħaq l-iskop tal-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali li qed nagħmlu bħala Knisja f’Malta, kif ukoll fil-mixja ta’ sinodalità li qed issir fuq bażi ta’ Knisja universali.