• L-Ewwel Qari 

    It-II Ktieb tal-Kronaki 36:14-16.19-23

    Il-kbarat kollha tal-qassisin u l-poplu komplew jidinbu u jagħmlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, u niġġsu t-tempju tal-Mulej li hu kien qaddes f’Ġerusalemm. U billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu u mill-għamara tiegħu, il-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, kien ta’ sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar. U ħarqulhom it-tempju ta’ Alla, ġarrfu s-swar ta’ Ġerusalemm, taw in-nar lill-palazzi kollha tagħha, u hekk qerdulha kull ma kellha prezzjuż. U dawk li ħelsu mill-qerda tax-xabla, Nabukodonosor eżiljahom lejn il-Babilonja, u baqgħu suġġetti għalih u għal  uliedu, sa ma ġew jaħkmu fuqhom il-Persjani. Hekk seħħ dak li qal Alla b’fomm Ġeremija: “Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta’ Sibtijietha, ma tinħadimx l-art iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu sebgħin sena.” Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja, biex isseħħ  il-kelma tal-Mulej li kienet intqalet b’fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, u dan xandar proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra bil-miktub, li kienet tgħid: “Dan jgħid Ċiru sultan tal-Persja: ‘Il-Mulej, Alla tas-sema, tani f’idejja s-saltniet kollha ta’ l-art, u hu qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, li hi f’Ġuda. Kull min minnkom hu mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u jitla’.’ ”

    Salm Responsorjali

    Salmi 137(136):1-2.3.4-5.6

     F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja,

    hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna,

    aħna u niftakru f’Sijon.

    Mas-siġar tal-luq tagħha,

    dendilna ċ-ċetri tagħna.

    Għax hemm, dawk li jassruna,

    talbuna ngħannulhom xi għanja;

    dawk li hemm għakksuna

    stennew minna għana ta’ ferħ:

    “Għannulna mill-għana ta’ Sijon.”

    Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej

    f’art barranija?

    Tibbiesli idi l-leminija,

    jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!

    Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,

    jekk ma niftakarx fik,

    jekk ma nżommx ‘il Ġerusalemm

    ‘il fuq minn kull ferħ tiegħi!

    It-Tieni Qari

    Ittra lill-Efesin 2:4-10

     Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa ta’ l-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi. Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù.  Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri , biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.

    L-Evanġelju

    San Ġwann 3:14-21

    U kif Mosè rafa’ s-serp  fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-waħdieni ta’ Alla. U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax  l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.”