-
-
***
Direttur: Chad Stahelski
Atturi: Keanu Reeves, Common, Laurence Fishburne, Riccardo Scarmarcio, Ruby Rose, John Leguizamo, Ian McShane u Lance Reddick
Ħin tal-Film: 122 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Xi ġranet wara ġrajjiet li kienu seħħew, John Wick, issa li jinsab irtirat, isib il-karozza 1969 Boss 429 Mustang li kienet insterqet ġewwa ħanut li s-sid tiegħu kien AbramTarasov, ħu Viggo u ż-żiju ta’ Iosef, l-avversarji prinċipali fl-ewwel film li ħareg fl-2014. John jirnexxielu jġib fix-xejn lin-nies ta’ Tarasov fi ġlieda vjolenti li fiha l-karozza ġġarrab ħsarat kbar. John iżda jaħfirha lil Tarasov u jirritorna d-dar. Sadanittant Aurelio jieħu l-karozza Mustang għat-tiswija. John issa li jinsab għal kwiet f’daru, jkollu żjara minn Santino D’Antonio, kriminal Taljan gwapp li jfakkru li snin qabel hu kien talab l-għajuna tiegħu biex itemm “ missjoni mpossibli” u hekk ikun jista’ jirtira u jiżżewweġ lil Helen. Bħala forma ta’ kuntratt, D’Antonio kien ġagħal lil John jieħu ġurament b’forma ta’ “Marker” fejn issiġġilla din il-wegħda ġewwa medaljun b’ “ġurament mdemmi”. D’Antonio jippresentalu dan il-medaljun u jfakkru f’dak li seħħ tant snin ilu u jitolbu din id-darba għas-servizz tiegħu. John jirrifjuta li jaċċetta l-medaljun issa li kien irtirat iżda Antonio ma jieħux le bħala risposta u wara li jħalli d-dar, jeqred id-dar għal kollox u b’xorti tajba li John ma baqgħax mejjet. Winston, l-proprjetarju tal-Lukanda Continental ġewwa NewYork, iffakkar lil John li jekk jirrifjuta “The Marker” ikun qiegħed jikser waħda minn żewġ regoli fid-dinja kriminali : l-ewwel, m’hemmx qtil fl-erja tal-Lukanda Continental u t-tieni, “Markers” għandhom ikunu unurati. Wara din il-laqgħa ma’ Winston, John jaċċetta li jiltaqa’ ma’ Antonio li jassenjah biex joqtol lill-oħtu Gianna D’Antonio biex hekk ikun jista’ jieħu postha fuq il-“High Table” tal-Kunsill tal-għola awtorita’ fid-dinja kriminali. D’Antonio jibgħat miegħu lil Ares bħala gwardja personali u biex jzomm għajnejh fuqu. John jmur Ruma biex jwettaq din il-missjoni. Gianna kienet tgħix u tiddomina x-xena kriminali ġewwa l-belt ta’ Ruma. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan, mimli azzjoni, ġiri perikoluż ta’ karozzi qalb l-ibliet ta’ New York u Ruma, kif ukoll qtil u vjolenza bla rażan, suwicidju u kliem goff, jkun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Chad Stahelski u kitba ta’ Derek Kolstad.