-
-
***
Direttur: David Kerr
Atturi: Rowan Atkinson, Ben Miller, Olga Kurylenko, Jake Lacy, Emma Thompson, Adam James, Pippa Bennett-Warner, Miranda Hennessy, Irena Tyshyna u David Mumeni
Ħin tal-Film: 89 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: U
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
L-M17 f’attakk cyber minn entità mhux magħrufa, esponiet l-identità kurrenti tal-aġenti kollha. Riżultat ta’ dan, l-M17 kellha terġa’ ddaħħal l-eks aġenti, fosthom insibu lil Johnny English li bħalissa kien għalliem tal-Ġeografija u bil-ħabi kien jħarreġ l-istudenti fl-espjunaġġ. English aċċidentalment jinkapaċita s-sejħa tal-eks aġenti. Riżultat ta’ dan, English jiġi nkarigat li jmexxi l-missjoni waħdu u biex jgħinu jiġi assenjat Bough.
Sadanittant, il-Prim Ministru tibda tikkonsidra li tiltaqa’ mal-biljunajru ta’ Silicon Valley, Jason Volta biex tiftiehem miegħu u hekk hi tkun tista’ tippreżenta dan il-ftehim waqt laqgħa ta’ G12. English u Bough jivvjaġġaw lejn Franza biex jibdew l-investigazzjoni wara li jirrċievu tarf li seta’ jwassalhom biex isiru jafu minn fejn kien intbagħat l-attakk cyber. Din l-informazzjoni twassalhom li jsiru jafu li kien ġej minn fuq il-yacht, Dot Calm. It-tnejn jirnexxielhom jinfiltraw ġewwa l-yacht u hemm ġew, English iwaħħal transmitter fil-qalba tal-yacht. Meta jaslu biex jitilqu, jiltaqgħu ma’ Ophelia, mara Russa li tipprova twaqqafhom, iżda ma jirnexxilhiex.
L-għada, English u Bough jiddeċiedu li jsegwu lil Ophelia wara li tinżel minn fuq il-yacht. Ophelia, li tintebaħ li kienu qegħdin jiġru warajha, tistieden lil English jiltaqa’ magħha f’restorant. Sadanittant, ġewwa Londra, il-Prim Ministru tiltaqa’ ma’ Volta li kien iħħekkja s-sistema ta’ traffiku, iżda biex jimpressjona lill-Prim Ministru jsolvi l-problema li hu stess kien ikkawża. Filwaqt li English kien qiegħed jiltaqa’ ma’ Ophelia, Bough isir jaf li hi kienet spija Russa, iżda English ma kienx konvint li kien hekk. Beda jemmen hekk meta Ophelia, waqt il-lejl, ipprovat telliminah. Fortunatament, l-attentat ma jirnexxiex għaliex English jieħu pillola li tagħmlu hyperactive.
L-għada Bough jinforma lil English li l-yacht kien ta’ Volta. English u Bough jinfurmaw b’dan lil Pegasus tal-M17 li ma jemminhomx u jitlob evidenza konkreta. Għalhekk English u Bough jiddeċiedu li jinfiltraw ir-residenza ta’ Volta li kellu fl-Ingilterra. X’jiġri minn hawn? Sadanittant, waqt li n-numru ta’ attakki cyber ikomplu sseħħu, il-Prim Ministru tistieden lil Volta għall-laqgħa tal-G17 li kienet sejra tiltaqa’ ġewwa l-Iskozja.
Film Brittaniku, kummiedja u mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ David Kerr. Il-film isegwi dak li ħareġ fl-2011: Johnny English Reborn. Minħabba xi kliem oxxen, vjolenza u użu ta’ pilloli hyperactive, tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.