****

Direttur:          Destin Daniel Cretton

Atturi:              Brie Larson, Michael B. Jordan, Jamie Foxx, Rafe Spall, Tim Blake Nelson, O’Shea Jackson Jr., Rob Morgan, Darrell Britt-Gibson, Claire Branson u  Rhoda Griffis

Ħin tal-Film:    136 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

KLASSIFIKA  TAL-KNISJA:                                 15

Avukat żagħżugħ, Bryan Stevenson, wara li ggradwa b’suċċess u b’ċans tajjeb  li jkollu karriera li kienet tagħmlu sinjur,  jiddeċiedi li jmur fl-Istat ta’ Alabama u hemm jidħol b’ruħu u ġismu  f’organizzazzjoni magħrufa bħala Equal Justice Initiative li bdiet Eva Ashley. L-għan ewlieni ta’ din l-għaqda kien li tgħin lill-fqar, lill-ħabsin u l-aktar dawk li kienu taħt il-kundanna tal-mewt.

L-ewwel każ li Bryan ħa f’idejh kien ta’ ħabsi, Walter “Johnny” McMillan  li kien instab ħati tal-qtil ta’ Ronda Morrison, tfajla ta’ tmintax-il sena li kienet taħdem ġewwa stabiliment tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Walter sadanittant kien sar ċiniku qabel ma Bryan ħa l-każ f’idejh. Kienet biċċa xogħol iebsa għal Bryan biex jipperswadih li hemm ċans tajjeb li hu juri li l-evidenza li tresqet kontra tiegħu kienet debboli wisq, għalkemm il-ġurija kienet sabitu ħati u l-qorti ikkundannatu għal mewt.

L-istat ta’ Alabama kien ippreġudikat kontra s-suwed tant li anke l-ġurija kienet kollha bojod u x-xhud ewlieni, li ma kienx wisq ta’ karattru tajjeb, kien abjad ukoll u emmnuh.  Walter wara ftit perswazzjoni aċċetta li Bryan jieħu l-każ tiegħu f’idejh għax ra fih avukat li tista’ tafdah u li ma kienx qiegħed jagħmel xogħolu għall-flus biss.  L-organizzazzjoni Equal Justice Initiative  kienet lesta li tħallas l-ispejjeż kollha hi. Bryan ukoll biex iqawwi qalb Walter għamel żjara lill-familja tiegħu fejn hemm iltaqa’ ma’  Minnie, mart Walter, u l-familja kollha nklużi t-tliet uliedu.

L-istrateġija ewlenija li Bryan uża kienet waħda: dik li jipperswadi lil Ralph Myers, ix-xhud ewlieni biex jammetti li x-xhieda tiegħu li ta fil-ġurija kienet falża. Dan iżda, kien ifisser li  Myers jiġi akkużat li kien xehed falz b’konsegwenzi serji għalih. Min-naħa l-oħra ma kenitx sejra tkun faċli li Tommy Chapmen, il-presukutur tal-każ iċedi malajr, anke jekk Myers jammetti n-nuqqas tiegħu. Fl-Istat ta’ Alabama wkoll qamu l-bojod jipprotestaw kontra li Walter jinħeles. X’jiġri minn hawn?

Film Amerikan, imsejjes fuq storja vera, taħt id-direzzjoni ta’ Destin Daniel Creton, b’kitba tiegħu stess u Andrew Lanham. Minħabba xena ta’ eżekuzzjoni, trattament inuman ta’ avukat meta jmur il-ħabs biex jiltaqa’ ma’ ħabsi għaliex dan kien iswed, kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.