-
-
***
Direttur: James Marsh
Atturi: Michael Caine, Jim Broadbent, Tim Courtenay, Charlie Cox, Paul Whitehouse, Michael Gambon u Ray Winstone
Ħin tal-Film: 108 min
Maħruġ minnn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Brian Reader, anzjan ta’ 77 sena, kien magħruf sew bħala ħalliel gwapp. Lil Lynne, martu li ħallietu dan l-aħħar, kien wegħda li kien sejjer jibdel ħajtu hekk kif wasal fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Iżda faċli twiegħed, kemm aktar diffiċli biex taqta’ mit-triq ta’ kriminalità l-aktar meta wieħed li jkun beda kmieni f’żgħożitu.
Waqt il-funeral ta’ martu, Brian jiltaqa’ ma’ ftit kriminali li kien jafhom fil-passat. It-tentazzjoni kienet kbira meta ġieh iċ-ċans li jwettaq serqa bla preċedent hekk kif l-opportunità offriet ruħha li titwettaq serqa minn Hatton Garden Safe Deposits. Meta Brian jiltaqa’ ma’ Basil, espert fis-sistema tas-sigurtà, dan ħajru biex jidħol ghaliha. Kien iż-żmien tal-vaganzi tal-Għid, u Basil seta’ jgħin għaliex kellu kopji taċ-ċwievet tal-post. Brian ma setax jissaporti meta Basil dendillu ċ-ċwievet quddiemu. It-tentazzjoni kienet kbira mhux ghax Brian kellu bżonn il-flus, iżda tħajjar li jidħol għaliha bl-għan li jkollu x’jagħmel. Għal din l-operazzjoni, jirnexxilu jiġbor numru ta’ kriminali, kollha kienu f’età ta’ bejn sittin u sebgħin sena ‘l fuq barra Basil li kien iżgħar. Dawn kienu Terry Perkins, John Kenny Collins, Carl Wood u Billy “The Fish” Lincoln u Basil.
Dawn, libsin ta’ ħaddiema tal-Gas Board faċilment jidħlu wara li Basil jinnewtralizza l-alarm. Kellhom il-ħin kollu f’idejhom biex itaqbu l-ħajt tal-konkos u jidħlu fis-safe fejn kien hemm ġojjelli, flus, dokumenti importanti u privati kif ukoll ammont kbir ta’ deheb. Fil-jumejn li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, kinsu dak kollu li sabu. Kien stmat li fis-safe kien hemm aktar minn £200 miljun. Kien xokk kbir meta t-Tlieta wara Ħadd il-Għid, il-prorjetarji fetħu s-safe u ntebħu x’ġara fi tmiem il-ġimgħa. Il-pulizija ġiet msejjħa biex tibda bl-investigazzjoni tagħha u bl-għajnuna ta’ CCTV cameras ma damux wisq biex jikxfu min kienu l-ħallelin. Dawn sadanittant iltaqgħu biex jaqsmu l-priża tagħhom iżda anke hawn wrew kemm kellhom regħba għal flus. X’jiġri minnhom u kif jinqabdu?
Film Brittaniku, msejjes fuq ġrajja li ġrat vera f’Londra fis-sena 2015 u li kienet qajmet interess kbir fl-Ingilterra u madwar id-dinja. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ James Marsh.
Minħabba t-tema tal-film, kliem frekwenti goff u profan kif ukoll xi ftit vjolenza, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.