-
-
Hu magħruf li l‑Papa Franġisku jrid ikun qrib in‑nies u jifhem x’inhuma l‑bżonnijiet tagħhom. Għalhekk bi preparazzjoni għas‑Sinodu taż‑Żgħażagħ f’Ottubru li ġej, il‑Papa qed jitlob lill‑isqfijiet biex jifhmu u jgħixu l‑bżonnijiet, ix‑xewqat, l‑isfidi u l‑biżgħat taż‑żgħażagħ fid‑dinja tal‑lum. Il-kappillani fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, flimkien mal-Arċisqof, għażlu li l-live-in annwali jkun iddedikat biex jisimgħu aktar dwar din ir-realtà importanti għall-Knisja.
Iżda mhux l‑isqfijiet u l‑kappillani biss għandhom fuq xiex jirriflettu. B’referenza għall‑frażi famuża tal‑eks President Amerikan John F. Kennedy, il‑Papa qed jistieden liż‑żgħażagħ biex jaħsbu fuq din il‑mistoqsija: Tistaqsix x’tista’ tagħmel il‑Knisja għalik, imma inti x’tista’ tagħmel għall‑Knisja?
Din is‑sena l‑Papa Franġisku jixtieq li ż‑żgħażagħ ikunu l‑protagonisti tal‑Knisja, għaliex “kull żagħżugħ u żagħżugħa għandu xi ħaġa x’jagħti lill‑oħrajn, għandu xi ħaġa x’jgħid lill‑adulti, lill‑qassisin, lis‑sorijiet, lill‑isqfijiet u lill‑Papa!” Il‑Knisja għandha bżonnkom!