ORDO VIRGINUM

L-ORDNI TAL-VERĠNI

Sa mill-bidu nett tal-Knisja kien hemm nisa verġni li xtaqu jikkonsagraw il-verġnità tagħhom lil Kristu u lill-qadi tal-Knisja. Dawn kien jilqagħhom fil-ħajja tal-verġnità l-isqof li kien jikkonsagrahom f’ċerimonja pubblika u speċjali.

Mis-seklu 8 wieħed jara li l-verġni kkonsagrati, minħabba raġunijiet differenti, kienu jħobbu jgħixu ħajja komunitarja, għalhekk il-għadd ta’ dawk li kienu jibqgħu jgħixu fid-dinja naqas ħafna iżda qatt ma għab għal kollox.

L-aktar rit antik ta’ konsagrazzjoni fil-Knisja jasal sas-sena 353 w.K. Kien rit użat mill-Papiet f’Ruma. Din il-vokazzjoni reġgħet qamet fil-bidu tas-seklu 20. Ir-rit il-ġdid ħareġ permezz ta’ Digriet tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti fil-31 ta’ Mejju 1970. Bih dawk in-nisa li jibqgħu jgħixu fid-dinja setgħu jibdew jgħixu uffiċċjalment il-ħajja tal-konsagrazzjoni. Dan ir-rit “huwa wieħed mill-aktar teżori għeżież tal-liturġija Rumana” (ara d-Digriet tal-31 ta’ Mejju 1970).

L-Ordni tal-Verġni nsibuh imsemmi fil-Kodiċi tad-Dirittu Kanoniku, art. 604. F’dan il-kanone l-Ordni hu deskritt bħala “l-Ordni tal-Verġni, li impenjati fil-pjan qaddis tal-mixi aktar mill-qrib wara Kristu, jiġu kkonsagrati lil Alla mill-isqof djoċesan skont ir-rit liturġiku approvat, huma mistikament mgħarrsin ma’ Kristu, l-Iben ta’ Alla, u jingħataw għall-qadi tal-Knisja.”

L-Ordni tal-Verġni ma għandu ebda fundatur ieħor ħlief il-Knisja, li tnebbħet mill-ħajja tal-Għarus innifsu Sidna Ġesù Kristu u mill-ħajja tal-Verġni Marija.

L-Ordni tal-Verġni jingħażel mill-ordnijiet reliġjużi u l-istituti sekulari għax la għandu regoli fissi u lanqas struttura ta’ ħajja komuni, imma “l-verġni jistgħu jingħaqdu flimkien biex jgħixu l-wegħda tagħhom b’fedeltà akbar u biex jgħinu ’l xulxin fil-qadi tal-Knisja bi stil li jixraq lill-istat tagħhom” (art. 604, B). Huma jgħixu fid-dinja iżda “m’humiex tad-dinja.”

Il-verġni kkonsagrata hija mara li tikkonsagra ħajjitha lil Alla bħala għarusa ta’ Kristu fil-qadi tal-Knisja. L-isqof djoċesan jilqa’ l-voti solenni tagħha u jikkonsagraha lil Alla permezz ta’ rit liturġiku solenni u pubbliku. Hi:

VERĠNI: Hija verġni għax il-Knisja hi verġni. In-nisa li huma kkonsagrati jintrabtu b’deċiżjoni irrevokabbli mwettqa bir-rit liturġiku “li jgħixu l-verġnità u jimxu wara Kristu” filwaqt li jgħixu l-Vanġelu mill-għeruq.

GĦARUSA: Hija għarusa għax Kristu ħabb lill-Knisja bħala għarustu. Is-sejħa tal-verġni kkonsagrata hi li tkun għarusa ta’ Kristu. B’sinjal tal-għerusija hi tingħata ċurkett (tista’ wkoll tingħata velu jew xi sinjal ieħor ta’ konsagrazzjoni). Il-verġni kkonsagrata tagħmel sforz biex b’ħajjitha tkun xbieha ħajja eskatoloġika tal-Għarusa tas-Sema – il-Knisja u l-ħajja taż-żmien li ġej. Tkun f’liema qagħda tkun hi tieħu okkażjoni biex tagħti xhieda għall-għaqda ta’ Alla mal-poplu tiegħu.

OMM: Hija omm għax il-Knisja hi omm. Bħall-Verġni Mbierka hekk ukoll il-verġni kkonsagrata tagħmel minn kollox biex twettaq ir-rieda tal-Missier. B’dan il-mod hi tinfetaħ għall-frott spiritwali. B’hekk hi ssir – b’għamliet diversi – omm spiritwali ta’ kotra kbira ta’ wlied Alla.

Biex issir taf iżjed dwar din is-sejħa tista’ taqra l-ktieb:

Verġni għal Kristu:
L-Ordo Virginum ħajja kkonsagrata dejjem ġdida.
Mons. Selim Sayegh, CAK 2006.

Kuntatt għal Malta:
Ms Dalia Kandalaft OV
Mob: +356 99885856
Facebook: Ordo Virginum Malta