L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali

L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (IFP) twaqqaf bħala risposta għas-sejħa li ħarġet mis-Sinodu Djoċesan sabiex tiġi promossa u kkoordinata waħda mill-ikbar sfidi li għandha quddiemha l-Knisja f’Malta: dik li tipprepara nsara għall-ħtiġijiet veri tar-realta’ soċjali kif inhi llum.

L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (IFP) għalhekk għandu l-għan ewlieni li jipprovdi formazzjoni ħolistika kif meħtiega lill-membri kollha tal-komunità kattolika f’Malta. Fl-isforz sabiex tissaħħaħ l-identità ta’ din il-komunità ta’ aħwa, l-Istitut irid: joffri opportunitajiet ta’ (a) formazzjoni permanenti, u (b) ta’ esperjenzi spiritwali; (ċ) jippromwovi l-formazzjoni professjonali ta’ l-operaturi pastorali għat-twettiq tal-ministeri u tal-ħidmiet tagħhom; (d) kif ukoll jipprovdi esperjenzi ta’ djalogu mas-soċjetà Maltija.

L-IFP huwa istituzzjoni fejn il-persuni, u, indirettament, il-komunitajiet li huma jifformaw, isibu l-għajnuna meħtieġa li permezz tagħha jintlaħaq dejjem iktar il-bżonn li:

  • jkunu megħjuna sabiex jimmaturaw fl-għerf, mill-aspett tal-qalb, mill-aspett tal-moħħ u mill-aspett tar-ruħ;
  • tinbena l-identità tagħhom bħala membri tal-komunità kattolika Maltija;
  • jikbru fl-għarfien  tas-sejħa li Alla jagħmlilhom u għalhekk jikbru fl-għarfien tar-responsabbiltà li għandhom quddiem l-opportunitajiet li qed joffru ż-żminijiet ta’ llum;
  • jikbru quddiem l-isfida li jgħixu u jipprattikaw il-Kmandament ta’ l-Imħabba;
  • jidħlu iktar fil-fond tas-sbuħija li ġġib magħha s-sejħa tal-fidi;
  • jiddjalogaw mal-isfidi li l-kultura u l-mod ta’ ħsieb illum qed joffrulhom;
  • jiżviluppaw dak it-taħriġ neċessarju u jagħrfu modi ġodda ta’ azzjoni li permezz tagħhom, bħala persuni nsara, jemmnu li jistgħu jagħtu kontribut permezz ta’ l-azzjoni ministerjali li għaliha jħossuhom imsejħa;
  • jagħrfu lilhom infushom bħala l-magħżula u l-maħbuba tal-Ħallieq, mibgħuta biex jixhdu lil Kristu Rxoxt,  li jwassal għall-Ħajja bil-kotra fil-ħajja personali, komunitarja u soċjali tagħhom.

Biex ikun hemm akkumpanjament li fih il-persuna li għamlet l-għażla tal-fidi tiġi
megħjuna timmatura fl-impenn u fil-kontribut tagħha fi ħdan il-Knisja (u hekkukoll fis-soċjetà), l-IFP għandu l-għan li jipprovdi mumenti ta’ formazzjoni sħiħa (ħolistika).

Fis-Sinodu Djoċesan ħareġ ċar il-bżonn li l-IFP:

  • jfassal proġett komuni ta’ formazzjoni għall-Knisja f’Malta;
  • joffri mixja mibnija u msaħħa fuq id-dimensjoni biblika, teoloġika, spiritwali, morali, pastorali u umana;
  • jiżviluppa proġett aktar speċifku li jħaddan fih opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ fuq livell ġenerali u fuq livelli iktar speċjalizzati;
  • joffri esperjenzi ta’ approfondiment spiritwali bħala s-sinsla tal-mixja tad-dixxiplu wara Kristu;
  • jmexxi lejn direzzjoni koordinata il-korsijiet li diġà qed jsiru fi ħdan is-Segretarjati u l-Kummissjonijiet Djoċesani biex titwettaq il-viżjoni ta’ proġett koordinat skond il-ħtiġijiet ta’ l-Arċidjoċesi;
  • f’kooperazzjoni ma’ aġenziji oħra, jidentifika ħidmiet speċifiċi fil-Knisja u jifli x’kompetenzi, tagħlim u mezzi huma meħtieġa għal dawn il-ħidmiet;
  • jikkoopera ma’ aġenziji tad-Djoċesi u oħrajn biex jilħaq il-bżonnijiet formattivi tagħhom;
  • jagħti ċertifikazzjoni għall-korsijiet ta’ formazzjoni pastorali;
  • jipprepara skema ta’ livelli u ta’ standards għall-korsijiet differenti;
  • jara u jiċċertifika li livelli, kontenuti u metodoloġija tal-korsijiet li huma mogħtija fi ħdan id-Djoċesi huma ta’ standards tajbin.

L-Istitut joffri opportunitajiet formattivi lil:

  • Operaturi pastorali;
  • Professjonisti;
  • Dawk li jixtiequ jagħmlu japprofondixxu l-ħajja tal-fidi tagħhom.

L-istitut joffri:

  • Riżorsi online
  • Seminars, lezzjonijiet, taħditiet u korsijiet online
  • Seminars, lezzjonijiet u taħditiet
  • Programmi ta’ taħriġ
  • Programmi ta’ CPD (Continues Professional Development)
  • Djalogu mas-soċjeta,
  • Korsijiet u diplomi akkreditati.

L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali hu reġistrat mal-MFHEA bħala istitut ta’ tagħlim
u bħalissa joffri korsijiet ta’ livelli 3, 4, 5, 6 u 7.

Direttur
Rev. Dr André Zaffarese S.Th.D.

Membri tal-Board
Rev. Prof Mark Sultana Ph.D.
Prof. Nadia Delicata S.Th.D, Ph.D. 
Prof. Jean-Paul De Lucca Ph.D.
Ms Mariella Catania M.A.
Dr Rebecca Gatt Ph.D.
Ms Michelle Borg M.Sc.
Rev. Andrew Galea OFM Conv. M.Ed.

Segretarju tal-Board
Mr Claude Mifsud S.Th.L

Staff
Mr Claude Mifsud – Senior Executive
Mr Brandon Cauchi – Executive (Operations)
Ms Corinne Sammut Micallef Grimaud – Executive (Course)
Mr Jonathan Ellul Bonnici – Executive (Logistics)
Ms Marisabel Spiteri – Executive (Administration)

Email: [email protected]

Website: pfi.edu.mt

Facebook: Pastoral Formation Institute 

Instagram: @pastoralformationinstitute

Kuntatt: +356 25906514/6, +356 79201358

Indirizz Postali:
L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali,
c/o Il-Kurja tal-Arċisqof,
Pjazza San Kalċidonju,
Il-Furjana FRN 1535, Malta.