Vigarju Episkopali għall-Kordinament Pastorali
Dun André Zaffarese
Telefown: 25906507
Imejl: [email protected]
Il-Vigarjat Episkopali għall‑Kordinament Pastorali twaqqaf fid‑dawl tas‑Sinodu tal‑Isqfijiet li ntemm f’Ottubru 2024, fejn il‑Papa Franġisku enfasizza fuq l‑importanza tas‑sinodalità fil‑ħajja u l‑missjoni tal‑Knisja.
Il‑Vigarjat hu responsabbli li jgħin lill‑Isqfijiet fl-implimentazzjoni tal‑viżjoni u l‑prijoritajiet tal‑Knisja f’Malta u fil‑kordinament tal‑ħajja u l‑ħidma pastorali fi ħdan l-Arċidjoċesi. Dan iseħħ b’ħidma kontinwa mal‑vigarjati, u entitajiet oħra tal‑istess Arċidjoċesi li jieħdu ħsieb id‑diversi ħidmiet u ħtiġijiet tal‑Knisja.
Fost l‑oħrajn, il‑Vigarjat hu responsabbli wkoll jara li l‑entitajiet, il-parroċċi, il‑kummissjonijiet u l‑gruppi tal‑Knisja qed jaħdmu flimkien sabiex jiġġeddu ħalli l‑ħidma pastorali tal‑Knisja f’Malta tibqa’ relevanti u sostenibbli fil‑snin li ġejjin għall‑ġid tas‑soċjetà.
Segretarjat għall-Ħajja u l-Ħidma fil-Parroċċi
Is-Segretarjat Parroċċi huwa l-organu fi ħdan il-Vigarjat Episkopali għall-Kordinament Pastorali, responsabbli biex jassisti, isegwi u jikkordina l-ħidma pastorali fil-parroċċi. Hu mmexxi minn Fr André Zaffarese, Vigarju Episkopali għall-Kordinament Pastorali. Hu għandu l-iskop li jgħin lill-parroċċi jagħrfu l-bżonnijiet pastorali emerġenti, jassisitihom biex iħejju ruħhom għalihom u jkun ta’ sostenn fit-twettieq tagħhom.
Is-segretarjat jagħti importanza partikolari lill-formazzjoni tal-operaturi pastorali fi ħdan il-parroċċi u l-ħidma tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali. Hu jaqdi d-dmirijiet tiegħu id f’id ma’ segretarjati, kummissjonijiet, entitajiet oħra, speċjalment mal-Kulleġġ tal-Kappillani.