• L-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jibda l-Ġimgħa Mqaddsa biċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej, nhar il-Ħadd, 29 ta’ Marzu 2015, fid-9.00a.m. Din iċ-ċelebrazzjoni tibda minn quddiem il-knisja ta’ Santa Katerina tal-Italja, il-Belt Valletta, fejn isir it-tberik tal-friegħi tal-palm u ż-żebbug, u wara ssir il-purċissjoni sal-Konkatidral ta’ San Ġwann, fejn tkompli l-Quddiesa bil-qari tar-rakkont tal-passjoni mill-Evanġelu skont San Mark.

    Il-Ħamis, 2 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, fid-9.00a.m. tibda l-Quddiesa tal-Griżma, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Matul din il-Quddiesa, flimkien mal-Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni tagħhom.

    Dakinhar filgħaxija, fis-6.30p.m., issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Matul din il-Quddiesa, fuq l-ezempju ta’ Ġesù, l-Arċisqof jaħsel riġlejn tnax-il raġel. Kienet xewqa tal-Arċisqof Charles J. Scicluna li jiġu mistiedna rġiel, bil-familji tagħhom, li jagħtu xi tip ta’ servizz fil-komunità. Dawn jinkludu politiċi, membri tal-Korp tal-Pulizija, nurses, xandar, carers u mpjegati tal-Kurja. Fi tmiem din il-Quddiesa, l-Arċisqof iwassal is-Sagrament Imqaddes fil-kappella tar-ripożizzjoni, għall-qima tal-Insara.

    Il-Ġimgħa 3 ta’ April, il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3.30p.m., l-Arċisqof imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Din il-liturġija tinkludi r-Rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-tqarbin.

    Is-Sibt 4 ta’ April, Sibt il-Għid, fit-8.00p.m., l-Arċisqof imexxi l-liturġija tal-Vġili tal-Għid, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-Tberik tan-Nar il-ġdid fuq iż-żuntier tal-Konkatidral, u tkompli b’liturġija tal-Kelma, liturġija tal-magħmudija li fiha ser jitgħamdu tlett itrabi, u l-liturġija tal-Ewkaristija.
     

    Il-Ħadd 5 ta’ April, Ħadd il-Għid, fid-9.15a.m., l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Wara, jagħti l-Barka Appostolika bl-Indulġenza Plenarja. Matul din il-Quddiesa, Mons. Arċisqof ser jilqa’ tlett adulti fil-Knisja Kattolika.

    Agħfas hawn għal informazzjoni addizzjonali dwar iċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi fil-Ġimgħa Mqaddsa