Ħamis ix-Xirka – Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Iż 61:1-3a,6a,8b,9
Salm: 88(89):21-22,25,27
It-Tieni Qari: Apok 1:5-8
L-Evanġelju: Lq 4:16-21
F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’Nazaret, fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej.”
Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.”