L-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Atti 10:34a,37-43
Salm: 117 (118):1-2,16ab-17,22-23
It-Tieni Qari: Kol 3:1-4 jew 1 Kor 5:6b-8

L-Evanġelju: Ġw 20:1-9 jew Mk 16:1-7 jew filgħaxija Lq 24:15-35

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.

Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

jew

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.

Bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”