Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Is 50, 4-7
Salm: 21 (22), 8-9.17-18a.19-20.23-24
It-Tieni Qari: Fil 2, 6-11
L-Evanġelju: Mk 14, 1 – 15, 47
Kien għad baqa’ jumejn għall-Għid u għall-Ażżmi, u l-qassisin il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta’ moħħhom u jagħtuh il-mewt. Għax bdew jgħidu: “Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta fil-poplu”.
Ġesù kien qiegħed jiekol għand Xmun il-lebbruż f’Betanja. Daħlet mara, b’vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ ta’ nard pur, jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet iż-żejt fuq ras Ġesù. U kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u jgħidu: “Dal-ħala kollu ta’ fwieħa għalfejn? Dil-fwieħa setgħet iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra”. U bdew jeħduha magħha.
Imma Ġesù qal: “Ħalluha; għala qegħdin iddejquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi. Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux dejjem se ssibuni magħkom. Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-fwieħa għad-difna minn qabel. Tassew ngħidilkom, li kull fejn jixxandar l-Evanġelju fid-dinja kollha li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha”.
Imbagħad Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Għal din l-aħbar ferħu ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi flus. U hu beda jfittex il-waqt tajjeb biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi? U hu jurikhom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.
U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax. U kif kienu fuq il-mejda jieklu qal: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi”. Huma bdew isewdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor staqsewh: “Jaqaw jien?” Qalilhom: “Wieħed mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi. Għax Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”.
Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”. Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.
U Ġesù qalilhom: “Ilkoll se titħawdu, għax hu miktub: Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ jitferrxuż. Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom”. Qallu Pietru: “Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma nitfixkilx”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidlek, li llum, dal-lejl stess, qabel ma s-serduk ikun idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”. Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha: “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!” U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess.
Waslu f’qasam jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob”. U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq. Qalilhom: “Inħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru”. Mexa kemmxejn ‘il quddiem, inxteħet fl-art, u talab li, jekk jista’ jkun titwarrab minnu dik is-siegħa. U qal: “Abbà, Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int”. Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: “Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef”. U raġa’ mar u tenna l-istess talba. Mill-ġdid ġie u għal darb’oħra sabhom reqdin għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x’jaqbu jgħidulu. Ġie għat-tielet darba u qalilhom: “Torqdu issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!”.
Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ. Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom: “Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih mgħasses tajjeb”. Malli mbagħad wasal, baqa’ sejjer fuqu u qallu: “Rabbi”. U biesu. Huma meddew idejhom fuqu u qabduh. Imma wieħed minn dawk ta’ madwaru silet is-sejf, ta daqqa bih lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. Ġesù dar fuqhom u qalilhom: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju ngħallem u ma żammejtunix. Imma dan kollu ġara biex isseħħ l-Iskrittura”. Imbagħad id-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu. Wieħed żagħżugħ mar warajh imgeżwer b’liżar biss fuq xejn, u qabduh; imma hu telqilhom il-liżar f’idejhom u ħarab għeri.
Ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin il-kbar kollha u x-xjuħ u l-kittieba. Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir, u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja ħdejn in-nar għas-sħana. Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu bdew ifittxu xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt, u ma sabux. Tassew li kien hemm ħafna li xehdu bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx taqbel. Imbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa kontra tiegħu u qalu: “Aħna smajnieh jgħid, ‘Jiena nħott dan it-tempju mibni bl-idejn, u fi tlitt ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!’” Imma x-xhieda tagħhom anqas f’dan ma kienet taqbel. Imbagħad il-qassis il-kbir qam f’nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù: “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?” Iżda hu baqa’ sieket u ma wieġeb xejn.
Mill-ġdid il-qassis il-kbir staqsieh u qallu: “Int il-Messija, Bin l-Imbierek?” Ġesù wieġbu: “Jien hu, u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema”. Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat l-ilbies ta’ fuqu u qal: “Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Id-dagħwa smajtuha! X’jidhrilkom?” U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt. Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: “Aqta’ min!”. U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta.
Waqt li Pietru kien isfel ’il ġewwa mid-daħla tal-palazz, ġiet waħda qaddejja tal-qassis il-kbir. Kif rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, waħħlet għajnejha fuqu u qaltlu: “Int ukoll kont ma’ Ġesù ta’ Nazaret”. Imma hu ċaħad u qal: “Ma nafx, m’iniex nifhem x’inti tgħid”. U ħareġ ’il barra fid-daħla tal-palazz. U s-serduk idden. Il-qaddejja ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm: “Dan wieħed minnhom”. U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil Pietru: “Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija”. Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: “Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu”. Minnufih is-serduk idden għat-tieni darba. Pietru ftakar fil-kelma li kien qallu Ġesù: “Qabel ma s-serduk jidden darbtejn, inti tiċħadni tliet darbiet”. U nfexx jibki.
Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom. Imbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f’idejn Pilatu. Pilatu staqsieh: “Inti s-sultan tal-Lhud?” U hu wieġeb u qallu: “Int qiegħed tgħidu”. Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu. Iżda Pilatu raġa’ staqsieh: “Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra tiegħek!” Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa’ mistagħġeb.
F’nhar ta’ festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil dak li kienu jitolbu huma. Issa fil-ħabs kien hemm wieħed jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li fir-rewwixta kienu qatlu lil xi ħadd. In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel kif kien jagħmlilhom dejjem. Qabad Pilatu u qalilhom: “Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?” Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f’idejh minħabba l-għira. Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewxu n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba. Pilatu raġa’ staqsiehom u qalilhom: “U x’nagħmel imbagħad b’dak li intom issejħulu s-sultan tal-Lhud?” Iżda huma nfexxew jgħajtu mill-ġdid: “Sallbu!” Qalilhom Pilatu: “Imma x’għamel ħażin?” Huma aktar bdew jgħajtu: “Sallbu!” Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.
Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejħu r-riġment kollu. Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. U bdew isellmulu: “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!” U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu rkupptejhom quddiemu biex jagħtuh qima. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu ħwejġu. U ħaduh ’il barra biex isallbuh.
Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. U wassluh f’post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa. U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu minnu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu. Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh. Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: “Is-sultan tal-Lhud”. Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.
Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu: “Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa’ tibnih fi tlitt ijiem! Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!” Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu: “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Ħa jinżel issa l-Messija, is-sultan ta’ Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu!” U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll. Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Eloì, Eloì, lemà sabaqtàni!” li jfisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!” Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!” U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob filwaqt li qal: “Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!” Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu. U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel.
Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!” Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, fosthom Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salomi; dawn, meta Ġesù kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu u jaqduh. U kien hemm ukoll bosta oħrajn li kienu telgħu Ġerusalemm miegħu. Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet is-Sibt, Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill, li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta’ Alla, għamel il-ħila, daħal quddiem Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu stagħġeb li kien ġa miet; bagħat għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk kienx ilu li miet. Meta mbagħad sar jaf mingħand iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta’ Ġesù lil Ġużeppi, u dan xtara liżar tal-għażel, niżżel lil Ġesù mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f’qabar imħaffer fil-blat; imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. Marija ta’ Magdala u Marija omm Ġosè qagħdu jaraw fejn tqiegħed.