-
-
Ħamis ix-Xirka
Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej
Qari tal-jum -
L-Ewwel Qari: Eż 12, 1-8.11-14
Salm: 115 (116), 12-13.15-16bċ.17-18
It-Tieni Qari: 1 Kor 11, 23-26L-Evanġelju: Ġw 13, 1-15
-
Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. Kienu qegħdin għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih. Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferra’ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu.
Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?”. Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem”. Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi”. Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll”. Qallu Ġesù: “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll”. Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal: “M’intomx ilkoll indaf”.
Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll”.