-
-
L-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet
Solennità – Il-Velja fil-Lejl Qaddis tal-Għid
San Mark 16:1-7
Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar. U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna.
Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.”