Il-Qaddisin Kollha – Solennità
L-Ewwel Qari: Apok 7, 2-4,9-14
Salm: 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6
It-Tieni Qari: 1 Ġw 3, 1-3
L-Evanġelju: Mt 5, 1-12a
F’dak iż-żmien: Ġesù kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja, u wara li qagħad bilqiegħda, resqu lejh id-dixxipli tiegħu. U hu fetaħ fommu u qabad ikellimhom u jgħid:
“Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom l-art bħala wirt. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa. Henjin dawk li jħennu, għax huma jisbu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jgħidu kull deni fuqkom bil-gideb minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.