• L-Ewwel Ħadd tar-Randan
    Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Dewt 26, 4-10
    Salm: 90 (91), 1-2.10-11.12-13.14-15
    It-Tieni Qari: Rum 10, 8-13

    L-Evanġelju: Lq 4, 1-13

     

  • F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.

    Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.

    Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: “Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.

    Imbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.