Il-Ġisem u d-Demm Għażiż tal-Mulej – Solennità
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġen 14:18-20
Salm: 109 (110):1,2,3,4
It-Tieni Qari: 1 Kor 11:23-26
L-Evanġelju: Lq 9:11b-17
F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab”.
Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!”. Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin”. Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.
Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.