It-Tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Is 8:23b – 9:3
Salm: 26 (27):1,4,13-14
It-Tieni Qari: 1 Kor 1:10-13.17
L-Evanġelju: Mt 4:12-23
Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal: “Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali, it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus! Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir; dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom”. Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.
Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.