Is-Sitt Ħadd tal-Għid
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Atti 15:1-2,22-29
Salm: 66 (67):2-3,5,6 u 8
It-Tieni Qari: Apok 21:10-14,22-23
L-Evanġelju: Ġw 14:23-29
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.
Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: “Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom”. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu”.