-
-
It-Twelid ta’ San Ġwann Battista – Solennità
San Luqa 1:57-66.80
Eliżabetta għalqilha ż-żmien li teħles, u kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh Żakkarija, għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”
Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla. U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biza’, u bdew ixerrdu dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu. It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.