It-Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 1 Slat 19:16b,19-21
Salm: 15 (16):1-2a u 5,7-8,9-10,11
It-Tieni Qari: Gal 5:1,13-18
L-Evanġelju: Lq 9:51-62
Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”. Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor.
Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”.
Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja”. Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla”.
U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar”. Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla”.