Il-Ħames Ħadd tar-Randan
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Eżek 37:12-14
Salm:
129 (130):1-2,3-4ab,4c-6,7-8
It-Tieni Qari:
Rum 8:8-11

L-Evanġelju: Ġw 11:1-45

F’dak iż-żmien, 1kien hemm wieħed marid, Lażżru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lażżru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”.

Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”. Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”. Weġibhom Ġesù: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl”. Qalilhom hekk u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ħa mmur u nqajmu”.

Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq”. Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom ċar u tond: “Lażżru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh”. Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu”.

Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ’l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.

Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut”. Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?”, staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan ilbniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.