It-Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Sir 35, 12-14.16-18
Salm: 33, 2-3.17-18.19 u 23
It-Tieni Qari: 2 Tim 4, 6-8. 16-18
L-Evanġelju: Lq 18, 9-14
F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn.
Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: “O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal”. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”.
Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.